Tuesday, May 21, 2024

Premier League: Jispikkaw id-derbies ta’ Manchester u ta’ Londra

Aqra wkoll

Id-derby ta’ Manchester se jkun l-attrazzjoni prinċipali tal-Premier League Ingliż fil-programm ta’ tmiem il-ġimgħa hekk kif Manchester United jilqgħu lil Manchester City f’Old Trafford. 

Derby ieħor mill-aktar interessanti huwa dak ta’ Londra bejn Tottenham Hot­spur u Arsenal. 

Man Utd v Man City – Iċ-champions Ingliżi Manchester City għandhom impenn ferm diffiċli għand Manchester United  f’konfront dirett fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika. 

Filwaqt li s-Citizens iridu jżommu l-pass mal-leaders Arsenal, rebħa għar-Red De­vils tarahom jitilgħu punt taħt l-istess Manchester City.

Bla dubju, il-moral ta’ dawn tal-aħħar bħalissa huwa ferm baxx minħabba li għadhom kif ġew eliminati mill-kwarti-finali tal-League Cup minn Southampton. 

Min-naħa tal-United,  jid­hru li ġejjin f’tagħhom u forsi t-tluq ta’ Cristiano Ronaldo serva sabiex it-team isib l-identitá tiegħu. 

Min-naħa l-oħra, Marcus Rashford huwa l-ispirazzjoni tat-team fejn sab il-forma tiegħu u ma jistax jieqaf jiskorja. 

Iż-żewġ timijiet mistennija jinżlu bl-aqwa formaz­zjoni possibbli bl-eċċezzjo­ni tad-difenur tas-City, Ru­ben Diaz, li jinsab imweġġa’.

Tottenham vs Arsenal – Dan il-konfront ilaqqa’ l-aktar partita taħraq f’Londra bejn żewġ rivali eterni, Tottenham u Arsenal, li qed jesperjenzaw fortuni diversi. 

Filwaqt li Arsenal jinsabu fil-quċċata tal-klassifika, Tottenham jinsabu fil-ħames pożizzjoni … 11-il punt taħt il-Gunners. 

Iżda din se tkun partita diffiċli għal dawn tal-aħħar u xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom minħabba l-biżgħa li jibdew jinħakmu mill-pressjoni tal-kmandi tal-klassifika.

Il-coach ta’ Spurs, Antonio Conte, ma jistax jinkludi lil Dejan Kulusevski, Richarlison u Rodrigo Ben­tancur li qed jirkupraw minn injury filwaqt li Arensal għandhom lil Reiss Nelson u Gabriel Jesus imweġġgħin.

Brighton v Liverpool – Brigh­ton jimmiraw li joħolqu sorpriża u jagħtu telfa oħra lil Liverpool aktar u aktar għax se jkollhom il-vantaġġ li se jilagħbu f’dar­hom. 

Ironikament, is-Seagulls jinsabu punt taħt l-istess Liverpool li qed ikunu konsistenti fl-inkonsistenza bil-biżgħa li din id-darba jistgħu jfallu milli jikkwalifikaw għal post fil-UEFA Champions League. 

Brighton għandhom dubjuż lil Leandro Trossard filwaqt li Liverpool ma jistgħux jinkludu lil Virgil Van Dijk, James Milner, Roberto Firmino, Diogo Jota, Luis Diaz u Arthur.

Newcastle v Fulham – Newcastle jittamaw li jik­sbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta jilqgħu f’darhom lil Fulham. 

Il-Magpies irkupraw taj­jeb wara t-telfa xejn mistennija kontra Sheffield Wed­nesday bl-iskor ta’ 2-1, fl-FA Cup, biex għelbu lil Leicester City bl-iskor ta’ 2-0 fil-kwarti-finali tal-League Cup. 

Huma jinsabu fit-tielet post tal-klassifika bl-istess numru ta’ punti daqs Manchester United iżda b’logħba aktar. Għalihom qed jispikka l-attakkant Parag­wajan, Miguel Almiron, li diġá skorja disa’ goals staġjonali għalihom.

Fulham jinsabu fis-seba’ post tal-klassifika bi 28 punt u qed jiġġieldu għall-post fil-UEFA Europa League. Huma se jkollhom neqsin lil Shane Duffy u Neeskens Tebano li huma mweġġgħin.

Il-programm kollu:

Man U. v Man C. 1.30

Brighton v Liverpool 4.00

Everton v Southampton 4.00

Nottm F. v Leicester 4.00

Wolves v West Ham 4.00

Brentford v Bournemouth 6.30

Għada

Chelsea v C.Palace 3.00

Newcastle v Fulham 3.00

Tottenham v Arsenal 5.30

Sport