Il-goals fit-tieni taqsima minn Giacomo Raspadori u Matteo Politano għenu liċ-champions Napoli jiġu minn wara biex isalvaw id-draw ta’ 2-2 kontra t-team promoss ta’ Genoa biex fl-istess waqt fallew żewġ punti oħra wara t-telfa ta’ 2-1 kontra Lazio
Napoli proviżorjament telgħu fil-ħames post fil-klassifika b’seba’ punti minn erba’ logħbiet.
Genoa, li rritornaw fis-Serie A wara li ġew relegati fl-2021-22, iddefendew tajjeb kontra ċ-champions u d-difensur Mattia Bani fetaħ l-iskor fl-40 minuta, meta tefa’ l-ballun fis-saqaf tax-xibka wara corner.
L-attakkant Taljan Mateo Retegui żied it-tieni għall-ospiti wara l-mistrieħ b’xutt fir-rokna t’isfel tax-xellug.
Napoli kienu bla ideat u l-ewwel xutt fil-lasta avversarja wasal fit-72 minuta minn Khvicha Kvaratskhelia.
Iżda Raspadori ta tama ġdida lil Napoli ftit wara meta naqqas id-distakk b’xutt fir-rokna ta’ fuq.
Wara dan il-goal, in-Naplitani żiedu l-pressjoni u s-sostitut Politano kiseb id-draw b’volley mill-viċin sitt minuti mit-tmiem, u ċaħħdu lil Genoa mit-tieni rebħa tal-istaġun.