Napoli komplew jersqu lejn ir-rebħ tat-titlu meta għelbu lil Cremonese bl-iskor ta’ 3-0. Filwaqt li din kienet id-disa’ rebħa konsekuttiva fil-kampjonat, in-Naplitani fetħu vantaġġ ta’ 15-il punti.
Iż-żewġ players, Khvicha Kvaratskhelia u Victor Osimhen, reġgħu kienu strumentali f’din ir-rebħa meta niżżlu isimhom fost l-iskorers.
Dan il-konfront kien bejn it-team tal-ewwel post u dak tal-aħħar.
Kien Khvicha Kvaratskhelia (21) li fetaħ l-iskor wara li seraq il-ballun lil Leonardo Sernicola ħdejn il-bandiera tal-corner u b’azzjoni personali xeħet fir-rokna tax-xibka.
Fil-65 minuta, il-Partenopei rduppjaw meta minn azzjoni ta’ corner il-ballun wasal għand Victor Osimhen li mill-viċin ma żbaljax.
Fid-79 minuta, huma ssiġillaw ir-rebħa meta Eljif Elmas bidel il-ballun ma’ Giovanni Di Lorenzo qabel tefa’ fix-xibka.