Meta bdiet tintlagħab l-14-il ġurnata tas-Serie A, l-attenzjoni prinċipali tkun mixħuta f’Napoli meta fi Stadio Diego Armando Maradona jospitaw lil Inter.
Filwaqt li Juventus marru għand Monza, tard ilbieraħ filgħaxija, Milan jospitaw lil Frosinone fejn jimmiraw li jsaħħu t-tielet post.
Napoli v Inter – Dan huwa konfront bejn iċ-champions renjanti, Napoli, u l-leaders attwali, Inter.
Matul il-jiem li għaddew, iż-żewġ timijiet naqsu milli jirbħu fil-logħbiet tal-Fażi tal-Gruppi tal-UEFA Champions League, fejn Inter spiċċaw fi draw ta’ 3-3 kontra Benfica u Napoli sfaw megħluba 4-2 minn Real Madrid. Iżda filwaqt li Inter diġá kkwalifikaw għall-Aħħar 16, Napoli jonqoshom biss punt biex jagħmlu dan fl-aħħar ġurnata.
Din il-partita se tkun ukoll dwell bejn Victor Osimhen, li rkupra minn injury, u Lautaro Martinez li huwa l-ispirazzjoni ta’ Inter.
Inter ilhom ma jirbħu għand Napoli mis-6 ta’ Jannar, 2020, bl-iskor ta’ 3-1 … biex dik kienet it-18-il rebħa minn 77 konfront … bil-Partenopei jirbħu 38 darba quddiem il-partitarji tagħhom.
Napoli għandhom neqsin lil Mario Rui u Jesper Lindstrom filwaqt li n-Nerazzurri se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi ta’ Denzel Dumfries, Alessandro Bastoni u Benjamin Pavard, li kollha qed jirkupraw minn injury.
Milan v Frosinone – Milan ikunu involuti f’partita delikata kontra Frosinone fejn jimmiraw li jnaqqsu d-distakk minn Inter u Juventus … u jittamaw li dawn it-tnejn jiżolqu.
Ir-Rossoneri jridu jinsew it-telfa f’darhom bl-iskor ta’ 3-1 kontra Borussia Dortmund liema partita kienet valida mill-Fażi tal-Gruppi tal-UEFA Champions League.
U filwaqt li Olivier Giroud huwa l-aktar player li qed jispikkaw billi s’issa skorja seba’ goals staġjonali, kien hu li fl-ewwel minuti falla penalty kontra l-Ġermaniżi.
Min-naħa tagħhom, Frosinone mistennija li jkunu avversarji diffiċli hekk kif jistgħu jisfidaw għal post fil-UEFA Conference League.
Ir-Rossoneri għandhom emerġenza kbira ta’ players neqsin. Filwaqt li Giroud jinsab sospiż, il-coach Stefano Pioli għandu diversi players li qed jirkupraw minn injury li jinkludu wkoll lil Rafael Leao, Simon Kjaer, Mattia Caldara, Ismael Bennacer u Malick Thiaw.
Roma v Sassuolo – Roma jospitaw lil Sassuolo fejn jibdew favorti netti li jiksbu t-tliet punti biex jibqgħu jżommu l-kuntatt mat-timijiet ta’ fuq.
Il-Giallorossi bħal donnhom ġejjin f’tagħhom wara bidu pjuttost negattiv.
Ir-rebħa ta’ 3-1 fuq Udinese kienet konferma li t-team immexxi mill-coach José Mourinho miexi fid-direzzjoni t-tajba u jekk jibqa’ juri l-istess konsistenza ma tkun l-ebda sorpriża li saħansitra jisfida għal post fiċ-Champions League.
Iżda huma ma jistgħux jinkludu lil Marash Kumbulla, Tammy Abraham u Chris Smalling.