Juventus jistgħu jnaqqsu d-distakk mil-leaders tas- Serie A, Inter, meta f’din l-24 ġurnata huma jospitaw lil Udinese filwaqt li Inter għandhom prova mill-aktar diffiċli meta jmorru jilagħbu għand Roma li ġejjin minn tliet rebħiet konsekuttivi.
Roma v Inter – Inter, li qed jillidjaw il-klassifika b’erba’ punti u jridu wkoll jirkupraw partita, jimmiraw li jkompli bis-sensiela pożittiva hekk kif ilhom ma jitilfu għal dawn l-aħħar 16-il partita li fihom ġew miżmuma tliet darbiet biss.
Iżda huma se jsibu quddiemhom team determinat li taħt it-tmexxija tal-coach il-ġdid, Daniele De Rossi, ħadu dimensjoni oħra biex saru sfidanti denji għal post fil-UEFA Champions League.
Bla dubju, din mhux se tkun passiġġata għat-team immexxi mill-coach, Simone Inzaghi, konxji mill-fatt li żelqa se jiggwadanjaw minnha Juventus.
Dan se jkun il-91 konfront fl-Olimpico bejn dawn iż-żewġ timijiet, fejn fid-90 preċedenti, Roma rebħu 34 filwaqt li Inter rebħu 30.
Il-Giallorossi ma jistgħux jinkludu lil Leonardo Spinazzola, Tammy Abraham u Chris Smalling filwaqt li n-Nerazzurri se jkollhom jgħaddu mingħajr Juan Cuadrado … kollha minħabba li qed jirkupraw minn injury.
Juventus v Udinese – Wara t-telfa ta’ 1-0 kontra Inter, hija prijoritá għal Juventus li joħorġu bit-tliet punti meta, nhar it-Tnejn li ġej, jospitaw lil Udinese.
Fil-veritá huma jibdew favoriti netti li jiksbu t- tliet punti iżda fl-istess waqt il-pressjoni tinsab kollha fuqhom minħabba li ma jistgħux ifallu l-punti biex jibqgħu jżommu l-kuntatt ma’ Inter.
Min-naħa tagħhom, Udinese mistennija joffru sfida diffiċli minħabba li jinsabu fil-bżonn tal-punti hekk kif qegħdin punt wieħed biss fuq iż-żona tar-relegazzjoni.
Filwaqt li Danilo huwa sospiż, Juventus għandhom neqsin ukoll lil Dusan Vlahovic, Federico Chiesa, Moise Kean u Mattia de Sciglio għax jinsabu mweġġa’.
Udinese għandhom ukoll lil Roberto Pereyra sospiż filwaqt li Vivaldo, Jaka Bijol, Enzo Ebosse u Gerard Delofeu, qed jirkupraw minn injury.
Milan v Napoli – Din il-partita wkoll hija interessati meta Milan jospitaw liċ-champions Napoli, li jinsabu barra ż-żona Ewropea.
Filwaqt li l-Milanisti jinsabu xxamplati fit-tielet post tal-klassifika, il-pressjoni tinsab fuq in-Naplitani minħabba li xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom.
Huma qed iħossu n- nuqqas tal-attakkant Niġerjan, Victor Osimhen, meta għada se jilgħab fil-finali tat-Tazza Afrikana kontra l-Ivory Coast.
Milan għandhom neqsin lis-sospiż Tijani Reinders u lill-imweġġgħin Tommaso Pobega, Malick Thiaw u Fikayo Tomori.
Min-naħa tagħhom, Napoli ma jistgħux jinkludu lis-sospiż Mario Rui filwaqt li Alex Meret u Matias Olivera huma mweġġgħin.