Tuesday, December 24, 2024

Serje fittizzja se tinħadem f’reality show … Premju finali ta’ €4.3 miljuni

Miftuħa s-sejħa għal parteċipanti minn madwar id-dinja

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Huma ħafna dawk li semgħu u raw is-serje mdemmija ferm kontroversjali “Squid Game” li fiha parteċipanti ddisprati bla flus jikkompetu bejniethom sal-mewt għall-premju finali ta’ miljuni kbar ta’ ewro. Din is-serje fittizzja ġiet ikkritikata għax għaddiet messaġġ ħażin u trawmatiku lil ħafna telespettaturi speċjalment dawk ta’ etajiet żgħar. Iżda, fl-istess ħin, kisbet suċċess kolossali. Proprju minħabba din il-popolarità kbira li kiseb “Squid Game” Netflix ħabbar li din is-serje issa se ssir “realtà” f’forma ta’ reality show li fih ukoll se jingħata premju kbir ta’ flus.

Fi stqarrrija maħruġa mill-provditur televiżiv stess ta’ Netflix, “Squid Game: The Challange”, il-premju għar-rebbieħ/a ta’ din il-kompetizzjoni se jkun ta’ €4.3 miljuni – l-akbar ammont li qatt ingħata fl-istorja tar-reality shows. Min-naħa l-oħra, min jitlef din il-kompetizzjoni, fortunatament mhuwiex se jitlef ħajtu bħalma ġara fis-serje oriġinali. 

Il-kumpanija stabbilita ta’ Netflix bħalissa bdiet b’sejħa miftuħa għal 456 parteċipanti ta’ ‘l fuq minn 21 minn madwar id-dinja kollha fejn kulma qiegħda titlob bħala rekwiżisti huma li jkunu jafu l-lingwa Ingliża u li jkunu disponibbli għal perjodu ta’ xahar fis-sena 2023. Dan ir-reality show, li se jkun maqsum f’total ta’ 10 episodji, li se jinġibed fi żmien erba’ ġimgħat. Il-produzzjoni mistennija tibda kmieni s-sena d-dieħla fir-Renju Unit.

“Squid Game: The Challenge” żgur se jqajjem furur kbir u minkejja l-kritika li kellha s-serje oriġinali minħabba l-messaġġ psiko-soċjali mgħawweġ li kellha, huwa mistenni li jkun hemm ħafna li jridu jipparteċipaw. L-applikazzjonijiet għal “Squid Game: The Challenge” huma miftuħa u disponibbli online fl-indirizz: SquidGameCasting.com. 

“L-aktar serje popolari se ssir l-aktar reality show popolari…”

Il-previżjonijiet huma li dan ikun l-aktar reality show ta’ suċċess li qatt kellu Netflix. L-awtur, id-direttur u l-producer eżekuttiv tas-serje oriġinali ta’ “Squid Game”, Hong Don-hyuk, ukoll jaqbel li din is-serje għandha tiġi imitata f’reality show. Huwa qal li, “domna naħdmu 12-il sena biex għamilna l-ewwel sensiela ta’ Squid Game iżda fi żmien 12-il ġurrnata biss, din saret l-aktar serje popolari li qatt intweriet fuq Netflix”.

Brandon Riegg minn Netflix qal li, “Squid Game kisbet suċċess kolossali fid-dinja kollha u dan grazzi għall-mod kif ippreżenta l-istorja u ġibed il-filmati d-direttur Hwang. Napprezzaw ħafna s-sostenn tiegħu fl-attentat tagħna li minn din is-serje fittizzja noħorġu reality show. Dan se jkollu kompetizzjoni kbira fih u se jservi bħala esperiment soċjali”. 

Riegg qal li s-segwaċi kollha tas-serje drammatika issa se jkunu jistgħu jesperjenzaw xi ħaġa affaxxinanti u avventura imprevedibbli hekk kif il-456 kontestanti “veri” se jikkompetu fl-akbar kompetizzjoni li qatt saret, kompetizzjoni li s’issa għad m’hemmx dettalji dwarha. Din is-serje hija ppjanata li tkun mimlija tensjoni u intriċċi li żgur se żżomm lit-telespettaturi mwaħħla mal-iscreen tat-televiżjoni tagħhom.

Mossa biex Netflix jerġa’ jqum fuq saqajh?

Hemm indikazzjonijiet li din il-mossa saret biex Netflix jerġa’ jissaħħaħ finanzjarjament. Dan wara li ħarġu rapporti li qiegħed jitlef ħafna klijenti li ma ġeddux l-abbonament tagħhom. “Squid Game” hija l-aktar serje ta’ suċċess li fil-fatt qatt kellu fejn fl-ewwel erba’ ġimgħat li beda jxandarha, din ġiet segwita minn 142 miljun familja. Din il-ġimgħa stess għadu kemm ġie kkonfermat li se ssir it-tieni sensiela tagħha. 

Netflix qegħdin jittamaw li kemm it-tieni sensiela u aktar minnhekk, dan ir-reality show il-ġdid, ikun raġuni valida għall-klijenti tagħhom biex iġeddu l-abbonament. Dan l-attentat pjuttost “iddisprat” min-Netflix biex iżomm l-abbonati qiegħed isir f’perjodu li fih dan l-istazzjon huwa rrapportat li qiegħed jitlef eluf ta’ klijenti. Fil-fatt, f’April li għadda din il-kumpanija kkonfermat li fl-ewwel kwart tal-2022 tilfet 200,000 abbonamenti mentri l-previżjonijiet oriġinali tagħhom kienu, minflok, li jżidu 2.5 miljuni klijenti ġodda.

Is-sitwazzjoni mhiex tidher pożittiva lanqas fil-previżjonijiet futuri fejn Netflix qiegħda taħseb li fix-xhur li ġejjin se titlef 2.5 miljuni abbonati oħra. F’Mejju li għadda l-istess kumpanija ħabbret li se tkeċċi madwar 150 ħaddiema, li jammontaw għal kważi 2% tat-total tal-impjegati kollha li għandu Netflix.

Il-flus mhumiex kollox

Is-serje oriġinali “Squid Game” hija logħba perikoluża għall-parteċipanti li biex huma jgħixu, ikollhom jagħmlu għażliet immorali. Il-ħruxija ta’ ċerti deċiżjonijiet li l-karattri jkollhom jieħdu twassalhom biex kollha barra wieħed, jiddispjaċihom għal dak li daħlu għalih. Dan inkluż ir-rebbieħ finali li fi tmiem l-ewwel staġun tas-serje spiċċa multimiljunarju iżda jkun aktar iddisprat milli kien qabel ma beda l-logħba “Squid Game” meta kien fqir.

L-istorja fittizzja tas-serje tirrakkonta kif karattri differenti f’sitwazzjonijiet differenti jiġu avviċinati minn raġel misterjuż li jestedinhom jieħdu sehem f’logħba u jagħtihom biljett misterjuż b’numru tat-telefon biex iċemplu fuqu jekk iridu jipparteċipaw. Huwa jwegħedhom li kulma jridu jagħmlu biex jsolvu l-problemi finanzjarji kollha tagħhom huwa li jċemplu. Iżda, ħadd mill-parteċipanti ta’ Squid Game qatt ma mmaġina kif ħajjithom se tinbidel… jew aħjar, ħajjithom se tintemm.

“Squid Game” oriġinali li xxandar fuq Netflix f’Settembru li għadda, laqqgħana wkoll ma’ 456 kompetituri. Dawn għal raġuni jew oħra fosthom logħob tal-ażżard, mard jew faqar ikunu mifnija bi problemi finanzjarji. Fi “Squid Game” kollha kemm huma jkollhom jirriskjaw ħajjithom f’serje ta’ logħob fatali, logħob li huma oriġinarjament immirati għat-tfal. L-imwiet fl-ewwel logħba kienu bil-bosta u l-kadavri bdew neżlin bħal xita. Il-parteċipanti lanqas kienu jafu li mal-ewwel żball il-wiċċ ta’ pupa ġganteska u s-“suldati” mgħammda lebsin uniformijiet roża, kienu se jisparawlhom b’balal ta’ vera u joqtluhom zoppti. 

Il-ħasda u d-disprament tal-parteċipanti meta saru jafu x’inhu l-prezz li jridu jħallsu jekk jitilfu, hija indeskrivibbli u għalkemm xtaqu li jieqfu minn din il-logħba deskritta bħala “djabolika”, fi stadju avvanzat tagħha, dan ma kienx permessibbli. 

Il-logħob fis-serje l-ġdida f’dan ir-reality show mistennija li jkunu simili għal dawk oriġinali iżda Netflix qalu li mhux se jkunu daqstant gravi. Min-naħa tagħhom, huma assigurraw li, “l-agħar ħaġa li jista’ jiġrilu parteċipant hija li jmur lura d-dar bla premju, jiġifieri bla flus”.

Fatti dwar “Squid Game”:

  • Din hija serje televiżiva mill-Korea t’Isfel maħduma minn Hwang Dong-hyuk għal Netflix;
  • Fost l-atturi nsibu lil Lee Jung-jae, Park Hae-soo, Wi Ha-joon u HoYeon Jung;
  • Hwang ġietu din l-idea wara li huwa stess kellu diffikultajiet finanzjarji fi tfulitu, kif ukoll minħabba d-differenza fil-klassijiet tal-ħaddiema fil-Korea t’Isfel u l-kapitaliżmu;
  • Huwa kiteb l-iscript fl-2009 iżda Netflix ħadet interess fis-serje 10 snin wara, jiġifieri fl-2019;
  • Squid Game ħareġ għall-wiri madwar id-dinja kollha fis-17 ta’ Settembru, 2021;
  • Din kienet l-aktar serje segwita fuq Netflix li xxandret f’94 pajjiżi:
  • Fl-ewwel erba’ ġimgħat bdiet tixxandar din tellgħet 1.65 biljun ta’ sigħat ta’ segwaċi;
  • Squid Game kiseb suċċess akbar mis-serje popolari ħafna “Bridgerton”;
  • Fost il-premji li ħadet is-serje Squid Game hemm il-Golden Globe Award għall-Aħjar Supporting Actor;
  • F’Ġunju ġie deċiż b’mod definittiv li ssir it-tieni sensiela ta’ din is-serje li mistennija tixxandar lejn l-aħħar tal-2023 u l-bidu tal-2024.
  • Fl-istess ħin Netflix se jagħmel ir-reality show imsemmi bl-istess numru ta’ parteċipanti u bi premju ta’ flus ukoll.
Ekonomija

Sport