Żewġ xjenzati fil-qasam tar-riċerka għall-iżvilupp ta’ tilqim spiċċaw f’baħar t’inkwiet wara li nqabdu mill-uffiċjali tad-dwana f’ajruport Amerikan b’bagalji mimlija kimika. Il-pjan illegali minn koppja Ċiniża kien li jisirqu informazzjoni sensittiva u sigrieta mill-kumpanija Pfizer biex jiżviluppaw huma tilqima ta’ kontra l-kanċer. Pjan li jekk irnexxa, żgur li kienu se jsiru miljunarju minn fuqu.
Chenyan Wu pprova jdaħħal ammont sostanzjali ta’ kimika tossika miċ-Ċina fl-Istati Uniti bil-għan li jkun jista’ jiftaħ laboratorju personali f’San Diego. Il-koppja miżżewġa ta’ xjenzati ammettew li huma ħatja li serqu informazzjoni (data) kunfidenzjali minn laboratorju ta’ Pfizer fejn il-mara, Lianchun Chen, kienet impjegata.
Ir-raġuni uffiċjali li taw fil-qorti kienet dik li r-raġel, Wu, kien qiegħed jipprova jsib tarf tal-marda qerrieda tal-kanċer billi jiżviluppa tilqima apposta bit-teknoloġija wżata minn Pfizer fit-tilqima tal-Covid-19, l-mRNA.
Ħames bagali b’kimika perikoluża fuq ajruplan…
Prosekuturi federali qalu li l-pjan falla wara li r-raġel inqabad jitraffika fl-Istati Uniti xejn inqas minn ħames bagalji mimlija materjal tossiku. Wu ddeċieda li jmur fl-Istati Uniti wara li għalaq il-laboratorrju tiegħu f’Shanghai.
L-avukat Amerikan mid-distrett ta’ Kalifornja, Randy Grossman, sostna li, “dawn huma frodi serji u traffikar illegali. Waħda mhux talli naqset milli tipproteġi l-kunfidenzjalità tal-employer tagħha dwar riċerka importanti, iżda wżatha għall-iskopijiet tagħha u tar-raġel tagħha. Biex jiġġravaw l-affarijiet l-akkużat l-ieħor poġġa f’periklu serju lil min kien qiegħed jivvjaġġa miegħu fuq l-ajruplan meta ttrasporta kimika perikoluża fl-Istati Uniti”.
Min-naħa tiegħu Wu ammetta li huwa ħati għal traffikar illegali u qiegħed jiffaċċja sentenza ta’ 20 sena ħabs mentri martu ammettiet li għamlet frodi tal-kompjuter. Din tista’ teħel sa sena ħabs.
Fil-passat Wu, li għandu 58 sena, kien impjegat ma’ Pfizer f’laboratorju fir-Renju Unit. Skont dokumenti tal-qorti jingħad li dan ix-xjenzat telaq minn Pfizer fl-2010 u mar iċ-Ċina biex jiftaħ laboratorju tiegħu, it-“TheraMab”, li kien jikkonċentra fuq riċerka ta’ tilqim bl-mRNA.
Fl-istess ħin martu Chen li għandha 51 sena, bdiet taħdem għal Pfizer f’laboratorju f’San Diego. Il-prosekuturi qalu li għal diversi snin hija kienet tibgħat kopji ta’ riċerka ta’ Pfizer dwar l-mRNA lir-raġel tagħha fiċ-Ċina.
“ARTIKLU FUQ ‘IL-PENN MEDICINE NEWS’ IKKONFERMA LI L-BAŻI TAR-RIĊERKA TAT-TILQIM MRNA TISTA’ TINTUŻA KONTRA MARD IEĦOR, INKLUŻ IL-KANĊER”
Messenger RNA jew mRNA hija t-teknoloġija ewlenija wżata minn Pfizer fit-tilqima ta’ kontra l-Covid-19 li żviluppat fi sħubija mal-kumpanija Ġermaniża, BioNTech. It-tilqima Pfizer-BioNTech kienet l-ewwel prodott bl-mRNA li ġie awtorizzat u approvat mill-Amministrazzjoni tal-Ikel u l-Mediċini Amerikana (FDA). Minn din it-tilqima biss, fl-2022 Pfizer mistennija tiġġenera madwar €30 biljun. Ir-riċerkaturi kienu wkoll qegħdin jaħdmu fuq tilqima kontra l-kanċer bl-istess teknoloġija wżata kontra l-Coronavirus.
“Ried jgħin persuni morda bil-kanċer”
F’dawn l-aħħar snin, każijiet ta’ serq ta’ sigrieti farmaċewtiċi saru aktar komuni. Filwaqt li Pfizer iddikjarat li hija vittma ta’ serq minn din il-koppja ta’ xjenzati, l-avukat ta’ Wu, Jeremy Warren, qal li l-klijent tiegħu ammetta li żbalja u li kulma ried kien li jgħin persuni morda bil-kanċer.
Sadanittant, artiklu fuq il-“Penn Medicine News”, ikkonferma li l-bażi tar-riċerka tat-tilqim mRNA tista’ tintuża kontra mard ieħor, inkluż il-kanċer. Il-professur tal-mard infettiv, Norbert Pardi, qal li, “il-pjattaforma hija flessibbli mmens. Tista’ tuża tilqim mRNA għal ħafna affarijiet”.
Fil-fatt, il-kanċer huwa wieħed minn għadd ta’ mard infettiv li riċerkaturi f’Penn qegħdin jinvestigaw.