Saturday, May 4, 2024

Xhud jgħid li l-vittma qallu li ried jiskarna lill-akkużat

Ikompli l-każ dwar il-qtil ta’ Sirjan f’Marsalforn

Aqra wkoll

Sirjan li kien jgħix mal-akkużat u persuna oħra f’appartament fejn inqatel Sirjan ieħor, xehed fil-Qorti t’Għawdex li malli fetaħ il-bieb huwa kien sab ma’ wiċċu lill-vittma li qallu li ried “jiskarna” lill-akkużat.

Ahmed Hamdem, kien qed jixhed quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Maher Aljasem li jinsab mixli bil-qtil ta’ Fawez Najem. 

Il-qtil seħħ nhar is-Sibt 7 ta’ Mejju wara ġlieda li nqalgħet bejn żewġ grupp ta’ Sirjani f’Marsalforn, Għawdex.

Hamdem xehed li dakinhar li seħħ il-każ, huwa kien għadu ġej mix-xogħol u kien qed isajjar. Qal li f’ħin minnhom, sema’ l-bieb iħabbat u malli fetaħ sab żewġ persuni li wieħed għarfu li kien il-vittma.

Qal li wieħed minnhom kellu pajp tal-ħadid, iżda ma jiftakarx min kien minnhom. Ix-xhud qal ukoll li l-vittma kien staqsieh fejn huwa l-akkużat iżda hu wieġbu li ma jafx.

Hamdem qal li meta staqsieh għaliex riedu, il-vittma wieġbu biex “niskarnah”, li ntqal li tista’ tfisser meta tħanxar għonq xi ħadd jew tagħti xebgħa kbira. Żied jgħid ukoll li mbagħad qabduh minn xagħru u bdew jagħtuh u wara daħlu tlitt irġiel oħra ġewwa.

Huwa nsista li flimkien ma’ oħrajn ipprova jferraq il-ġlieda. Qal li kien ra lill-vitma jwaddab tazza fid-direzzjoni tal-akkużat u dan tal-aħħar allegatament mar għalih b’injama jew biċċa aluminju twila.

Sadanittant, fis-seduta tal-bieraħ xehed ukoll l-Ispettur Wayne Camilleri li qal li barra l-appartament kienu nstabu biċċiet ta’ ħadid u njam li ssupetta li kienu ntużaw waqt il-ġlieda. 

Qal li l-akkużat kien stqarr miegħu li kien fl-appartament fejn jgħix ma’ żewġt iħbieb tiegħu meta xi ħadd ħabbat mal-bieb u xħin wieħed minn sħabu fetaħ daħlu madwar sitt persuni u allega li bdew isawtuh. 

L-akkużat qal li kien għaraf lill-vittma u li dakinhar filgħodu waqt li hu flimkien ma’ sħabu kienu qed jieħdu kafè beda argument miegħu. Huwa kien ammetta mal-pulizija li uża flick knife biex jiddefendi lilu nnifsu mill-attakk. 

Warajh xehed ukoll is-Surġent Josef Gauci li qal li mill-investigazzjoni li saret, irriżulta li l-vittma miet fil-karozza huwa u sejjer l-Isptar.

Sport