Sunday, November 24, 2024

Servizz ta’ sorveljanza u monitoraġġ għall-kanċer tal-pulmun fl-Isptar San Vinċenz De Paul

Aqra wkoll

Ġiet imwaqqfa klinika ġdida fl-Isptar San Vinċenz De Paul, li se toffri servizz ta’ sorveljanza għall-kanċer tal-pulmun.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, hekk kif ġie spjegat li l-kanċer tal-pulmun huwa l-aktar kanċer komuni u li sfortunatament jikkawża mwiet fid-dinja. Ġie spjegat ukoll kif dan it-tip ta’ kanċer huwa l-aktar prevalenti f’persuni ta’ età kbira.

Ġie spjegat li għal dawk li jaqgħu fil-kategorija ta’ mard avvanzat, se jiġu offruti s-servizz ta’ terapija biex tibqa’ tiġi kkontrollata l-marda. Din it-terapija ma tinvolvix operazzjoni u tibqa’ taħt il-kura ta’ esperti tal-isptar tal-Onkoloġija, Sir Anthony Mamo.

Min-naħa l-oħra, hemm pazjenti li jkunu għadhom fi stadju bikri tal-marda u għalhekk it-trattament tagħhom ikun immirat biex iwassal għal fejqan, fejn anke f’ħafna każijiet jinvolvi operazzjoni li fiha titneħħa parti mill-pulmun u l-glandoli ta’ madwarha. Għal dawn il-pazjenti hemm riskju ta’ inqas minn 10% li jerġa’ jitrabba l-kanċer jew saħansitra jifforma kanċer ġdid fil-bqija tal-pulmun.

Għalhekk dan is-servizz ta’ sorveljanza, permezz tat-twaqqif tal-klinika l-ġdida, huwa immirat għal pazjenti mfejqa minn operazzjoni tal-pulmun, biex b’hekk tibqa’ ssir sorveljanza komprensiva biex f’każ li jkun hemm mard, dan jinqabad aktar kmieni u jiġi offrut trattament b’suċċess akbar.

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Jo Etienne Abela tenna li dan is-servizz se joffri aktar serħan il-moħħ għal dawn il-pazjenti filwaqt li se jassigura l-aqwa servizz ta’ follow-up u monitoraġġ tal-pazjenti.

“Dan it-tip ta’ kanċer huwa l-aktar prevalenti f’persuni ta’ età kbira. Permezz ta’ dan is-servizz li nedejna, se nsostnu l-appoġġ għal min jiġi bżonn,” saħaq il-Ministru Abela.

It-tmexxija ta’ din il-klinika se tkun f’idejn il-Konsulent Kirurgu Kardjopulmonari Mr David Sladden, filwaqt li s-servizz se jkun qed jingħata minn tim speċjalizzat fl-operazzjonijiet tal-pulmun kif ukoll tim mill-Isptar San Vinċenz De Paul biex isiru l-monitoraġġi u r-riċerki neċessarji bħal X-Rays u CT Scans.

Bħalissa qed jinġabru d-dettalji tal-pazjenti li ser jibbenefikaw minn dan is-servizz ta’ klinika ġdida, filwaqt li l-ewwel appuntamenti se jibdew jinħarġu f’Jannar tal-2023.

Sport