Monday, December 23, 2024

Servizzi ta’ ferry għal Għawdex fuq network ta’ diversi destinazzjonijiet, inkluż il-Belt Valletta

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ltaqgħu biex jiddiskutu l-ħtieġa ta’ trasport aħjar u aktar effiċjenti bejn iż-żewġ gżejjer. Huma qablu li l-Gozo Channel fadlilha futur u hemm bżonn li tkompli tissaħħaħ biex iġġorr il-passiġġieri u l-karozzi, kif ukoll il-merkanzija. Huma ddiskutew ukoll l-infrastruttura tat-toroq u b’mod speċjali il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex.

Il-Ministru Ian Borg qal, “Il-konnettività hija aspett importanti mill-ħajja tagħna, xejn inqas għall-Għawdxin. Impenjati li nkomplu ninvestu b’mod ħolistiku fis-setturi tal-infrastruttura u t-trasport, għaliex dawn jimxu id f’id. Ma jistax ikollna trasport sostenibbli u arja aktar nadifa jekk ma jkollniex l-infrastruttura li tippermetti għal konnessjonijiet aħjar u aktar effiċjenti. Għawdex hija prijorità.”

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clint Camilleri qal, “Ninsabu sodisfatti li hemm pjanijiet serji għal servizz ta’ ferries għal numru ta’ destinazzjonijiet. L-Għawdxin, bħall-Maltin, iridu konnettività ma’ numru ta’ destinazzjonijiet. Fuq kollox, bosta Għawdxin jaħdmu Malta u dawk li għandhom in-negozji f’Għawdex se jkunu qed jaraw diversi benefiċċji sbieħ ladarba l-konnettività lejn il-gżira tagħna titjieb. Se nkomplu naħdmu flimkien għall-ġid tal-Għawdxin u l-Maltin kollha.”

Ekonomija

Sport