Saturday, December 21, 2024

Sessiżmu sfrenat f’forma ta’ attakki lejn nisa fil-politika

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Kundanni lejn rapportaġġ u kummenti inġusti fil-konfront ta’ Mary Muscat u Miriam Dalli

Nitkellmu ħafna dwar il-progress, l-opportunitajiet indaqs u l-ugwaljanza. F’pajjiżna n-numru tal-politiċi nisa fil-Parlament huwa baxx tant li nħoloq mekkaniżmu apposta biex ikun hemm aktar bilanċ bejn iż-żewġ sessi fil-Kamra tar-Rappreżentanti. Iżda, attakki fuq il-midja u kummenti sessesti fil-konfront ta’ politiċi nisa li saru f’dawn l-aħħar ġranet juru kemm huwa diffiċli biex mara tidħol u tibqa’ fil-politika. 

Il-Professur Carmen Sammut, esperta tal-midja li kienet involuta fir-Riforma għall-Bilanċ tal-Ġeneru fil-Parlament, ikkundannat rapportaġġ inġust fil-konfront ta’ Mary Muscat, kandidata mal-Partit Nazzjonalista, fejn qalet li, “għal dawk li jistaqsu għala ftit nisa jikkontestaw l-elezzjoni, il-kawża huwa li dan it-titlu sessist”. Hija qalet li Mary Muscat hija persuna valida u bi dritt tagħha li tikkontesta għall-elezzjoni. Żiedet tgħid ukoll li Muscat ilha persuna pubblika għal ħafna snin. 

L-attakk fuq Mary Muscat sar meta minflok ġustament hija ġiet indirizzata bħala persuna fil-politika għall-meriti tagħha, din ġiet assoċjata ma’ ħuha t-tewmi, Fr David. 

Sammut qalet li, “m’hemm ebda raġuni għala huwa qiegħed ikun assoċjat mal-kampanja tagħha ladarba la huwa l-maniġer tal-kampanja tagħha jew inkella sponsor. Dan it-titlu banali sempliċiment wassal għal attakki inġusti u redikolaġni. Dan huwa eżempju ieħor klassiku għal dak li jridu jiffaċċjaw kandidati nisa”.

Mary Muscat ma kinitx l-unika mara fil-politika li kienet attakkata riċentement. Miriam Dalli, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, b’karriera politika brillanti anke barra xtutna bħala Membru Parlamentari Ewropew, ukoll sofriet minn kumment sessist fuq il-midja soċjali. 

Il-kumment b’referenza għal dak li qalet il-Ministru Dalli waqt programm televiżiv kien “mur sib raġel u oqgħod id-dar sajjar. Il-politika m’hiex il-linja tiegħek”. F’reazzjoni li turi karattru u rieda soda, il-Ministru Miriam Dalli rritaljat fejn qalet li, “għax meta tkun mara u ma jablux miegħek jgħidulek tmur issib raġel. Dan is-sinjur ħassu komdu jgħidli nibqa’ d-dar u noqgħod insajjar għax m’għoġbux li għid waqt il-programm XTRA”.

Min-naħa tagħha l-Ministru Dalli temmet billi serħet ras dan ir-raġel u assiguratu li, “mhux talli mhux se noqgħod id-dar, talli nagħmel il-kuraġġ lil aktar nisa u tfajliet jersqu ‘l quddiem għax il-mentalità tal-għerien lilna ssaħħaħna u mhux taqtgħalna qalbna”.

Ekonomija

Sport