It-tfal li jirrisjedu fil-Kottonera se jkollhom l-opportunità li matul dan is-sajf jattendu sessjonijiet ta’ taħriġ b’xejn fil-Kulleġġ De La Salle. Dawn is-sessjonijiet se jiffukaw fuq il-ġiri, il-qbiż u dixxiplini oħra, bil-għan li dawn it-tfal itejbu l-ħiliet tagħhom fl-atletika.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, waqt li ppresjediet għall-iffirmar ta’ ftehim bejn il-Fondazzjoni Kottonera, irrappreżentata miċ-Chairperson Joe Mizzi u l-La Salle Athletics Club rrappreżentat minn Mario Bonello.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli sostniet kif il-Fondazzjoni Kottonera qed tieħu rwol importanti u ċentrali fil-ħajja komunitarja tal-ibliet ta’ Bormla, il-Birgu, l-Isla u l-Kalkara. “Fil-Kottonera l-ħidma attiva tal-Kunsilli Lokali qed tiġi kkumplimentata mill-ħidma u l-inizjattivi ta’ din il-Fondazzjoni, li qed tkun ta’ spalla għal dawn il-kunsilli. Sodisfatta ferm b’din l-inizjattiva hekk kif il-Fondazzjoni qed taħseb f’attivitajiet fiżiċi immirati għat-tfal, dan sabiex minn età żgħira nrawmu d-dixxiplina sportiva fit-tfal tagħna u sussegwentement jgħixu ħajja aktar b’saħħitha.”
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli kompliet li l-Fondazzjoni Kottonera qed tkun kollaboratur ewlieni mal-kunsilli lokali sabiex ikun hemm sforz ħolistiku f’dawk l-attivitajiet li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-komunitajiet ta’ Bormla, il-Birgu, l-Isla, u l-Kalkara. Hija temmet tgħid li din l-inizjattiva tallinja wkoll mal-Viżjoni Malta 2050 li tenfasizza fuq l-importanza tal-isport u l-attività fiżika.
Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Kottonera, Joe Mizzi, qal li din l-inizjattiva qed tingħaqad ma’ kullana ta’ inizjattivi oħra li din il-Fondazzjoni qed tagħmel. “L-inizjattivi jvarjaw minn dawk kulturali, soċjali u sportivi bil-għan li n-nies tal-Kottonera jkollhom attivitajiet ta’ kwalità u livell għoli fil-Kottonera stess. Din id-darba morna lil hinn mill-attivitajiet u l-inizjattivi tas-soltu, jiġifieri dawk kulturali u infrastrutturali, u qed naħsbu fit-tfal tagħna permezz ta’ inizjattiva sportiva li permezz tagħha qed nesponuhom għad-dinja tal-atletika,” temm jgħid Joe Mizzi.
Min-naħa tiegħu, Mario Bonello mill-La Salle Athletics Club, qal kif il-Kulleġġ jinsab sodisfatt u jħares ’l quddiem għal din l-inizjattiva għaliex se jkunu qed jagħtu lura xi ħaġa lill-komunità li joperaw fiha, jiġifieri dik tal-Kottonera.
Is-sessjonijiet se jsiru matul ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu kull nhar ta’ Tlieta u Ġimgħa bejn is-18:30 u t-20:00, fil-Kulleġġ De La Salle. Is-sessjonijiet se jkunu miftuħa għal dawk l-istudenti li jattendu l-iskejjel Primarji ta’ Bormla, l-Isla, l-Birgu u l-Kalkara.