Saturday, December 28, 2024

Settembru 2020 kien s-seba’ l-aktar Settembru mxarrab fl-istorja

31% tax-xita mkejla tul is-sena tax-xita 2020-2021 niżlet f’Settembru

Aqra wkoll

Awwissu ġab fi tmiemu s-sajf meteoroloġiku kif ukoll is-sena tax-xita 2020-2021, li matulha tkejlu 395.3mm xita f’Ħal Luqa.

Dan l-ammont kien 171.7mm aktar baxx min-norma klimatika, li hija bbażata fuq il-medja tax-xita kkalkolata għas-snin bejn l-1981 u l-2010.

Għalkemm b’mod ġenerali s-sena tax-xita li għada kemm intemmet kienet ferm aktar xotta min-norma klimatika, il-bidu tagħha kien wieħed partikolarment imxarrab hekk kif f’Settembru 2020 tkejlu 121.2mm xita, liema total kien aktar mid-doppju tal-ammont mistenni għal dan ix-xahar.

Settembru kien l-uniku xahar li fih tkejlet aktar xita min-norma għax-xahar, u tniżżel fir-rekords bħala s-seba’ l-aktar Settembru mxarrab.

Minkejja li Novembru kien aktar xott min-norma b’77.1mm xita mkejlin matulu, wara Settembru kien l-aktar xahar imxarrab tas-sena tax-xita.

Il-ħarifa meteoroloġika, li hija komposta mix-xhur ta’ Settembru, Ottubru u Novembru, kienet l-aktar staġun li fih niżlet xita, bl-ammont imkejjel ta’ 223.1mm ikun ekwivalenti għal aktar minn nofs ix-xita kollha mkejla bejn Settembru 2020 u Awwissu 2021.

L-istaġun tal-ħarifa huwa assoċjat ma’ ħalbiet ta’ xita – aktar milli xita li ddum nieżla għal perjodi twal u li narawha aktar fix-xhur tax-xitwa – li bejniethom ġeneralment ikun hemm intervalli ta’ temp aktar xott u xemxi.

Matul ix-xitwa meteoroloġika tkejlet ftit aktar minn nofs ix-xita mistennija għal dan l-istaġun. It-total ta’ 141.0mm xita għal dan l-istaġun niżlu prinċipalment f’Diċembru (62.8mm), li kien l-aktar Diċembru mxarrab mill-2014 ’l hawn, u Jannar (70.4mm), li kellu l-ogħla total ta’ ġranet bix-xita. Il-kontribut ta’ Frar għax-xita li tkejlet fix-xitwa kien biss ta’ 7.8mm, liema ammont kien ferm anqas min-norma klimatika għax-xahar ta’ 56.9mm xita. Frar 2021, fil-fatt, tniżżel fir-rekords tal-Uffiċċju Meteoroloġiku bħala s-sitt Frar l-aktar xott mill-1923 ’l hawn.

Ix-xita għall-perjodu bejn Marzu u Awwissu ammontat għal 31.2mm, bl-ewwel xahar tar-rebbiegħa meteoroloġika ikun l-akbar kontributur għal dan it-total. Marzu ta bidu għar-rebbiegħa b’xi jiem tempestużi u 27.0mm xita. Bejn April u Awwissu 2021 mbagħad ma kien hemm l-ebda maltempata bir-ragħad u s-sajjetti, biex b’hekk it-total ta’ jiem tempestużi għas-sena ammonta għal 28. Lulju kien l-aktar xahar xott tas-sena ladarba kien kompletament nieqes mix-xita, segwit minn Mejju (0.4mm nida) u Ġunju u Awwissu (0.8mm).

Meta mqabbla mal-ħames snin ta’ qabilha, is-sena tax-xita 2020-2021 kienet aktar imxarrba minn jew kumparabbli mas-snin 2019-2020 (384.4mm), 2016-2017 (389.9mm) u 2015-2016 (319.6mm), u konsiderevolment anqas imxarrba mis-snin 2017-2018 (569.1mm) u 2018-2019 (547.0mm).

Ekonomija

Sport