Tuesday, December 24, 2024

SETTEMBRU X-XAHAR IDDEDIKAT LILL-ATTIVITÀ FIŻIKA

Mark Cutajar
Mark Cutajar
Kap Eżekuttiv ta' SportMalta

Aqra wkoll

Parti mill-missjoni ta’ SportMalta hija dik li tħeġġeġ nies ta’ kull età biex jagħmlu aktar sport u attività fiżika. L-attività fiżika hija importanti għax tgħin biex individwu jżomm piż ideali u anke jiskansa iktar minn mard kroniku bħal dak tal-qalb, kolesterol u dijabete.   

Ix-xahar ta’ Settembru huwa xahar iddedikat għal din il-missjoni.  Fil-fatt fuq inizjattiva ta’ Malta, il-Kumissjoni Ewropea torganizza madwar l-Ewropa kollha l-Ġimgħa Ewropea tal-Isport.  Matul din il-ġimgħa li se tiġi ċċelebrata bejn it-23 u 30 ta’ Settembru fi 27 pajjiż membru u pajjiżi oħra fil-Balkani jorganizzaw attivitajiet sportivi.

Malta li f’dawn l-aħħar snin anke permezz ta’ din l-inizjattiva u inizjattivi oħrajn li jiġu organizzzati matul is-sena żiedu l-perċentwal ta’ nies attivi, qed torganizza numru ta’ attivitajiet biex iktar nies jersqu lejn l-isport u għalhekk jgħixu ħajja iktar b’saħħitha fiżikament u mentalment.

Żewġ attivitajiet kbar jiġu organizzati minn SportMalta.

Attività li ssir fi 23 ta’ Settembru u għalhekk tiftaħ l-attivitajiet uffiċjali kollha bħala objettiv dik li tressaq iktar tfal u żgħażagħ lejn sport organizzat minn klabbs u assoċjazzjonijiet.  Fil-fatt dawn tal-aħħar jarmaw spazju varju  ġo villaġġ fil-kumpless sportiv ta’ Kirkop u hemmhekk jagħmlu dimostrazzjoni tal-isport tagħhom.  L-isport ivarjaw bejn dawk individwali u oħrajn ta’ timijiet.  

It-tieni l-ikbar attività  tkun dik direttament iffukata fuq l-attività fiżika.  Fil-fatt fil-25 ta’ Settembru diversi timijiet jiltaqgħu kontra xulxin biex jieħdu sehem f’Obstacle Race f’ċirkwit ippreparat apposta fil-ġnien biswit il-kumpless sportiv tal-Kottonera.  Din l-attività ssir bejn id-9.00p.m. u l-11.00p.m. u hija magħrufa bħala ‘Beactive Night’. Matul dan il-ħin partikolari din l-attività ssir mal-Ewropa kollha fl-istess ħin.

Tema oħra importanti li għandha din l-ġimgħa hija dik li tħeġġeġ iktar postijiet ta’ xogħol biex jorganizzaw attivitajiet għall-ħaddiema tagħhom. SportMalta fl-2019 kienet l-entità li rebħet l-unur għal dawn l-inizjattivi fl-Ewropa u għalhekk toffri s-servizzi tagħha lil dawk l-entitajiet u kumpaniji li jridu jagħmlu dan

Fil-fatt SportMalta toffri fil-kumplessi tagħha spazzji għall-forzi tal-ordni, entitajiet governattivi oħra u diversi NGOs biex jiġu u jużaw l-ispazji tagħha sabiex il-ħaddiema jagħmlu sport.  Barra minnhekk anke l-Malta Employers Sport Association torganizza wkoll kompetizzjoni differenti matul il-ġimgħa.  

Mhux biss il-faċilitajiet ġewwa pero Malta u Għawdex, anke bit-temp eċċellenti li joffru, għandhom diversi spazzji miftuħa fejn kull membru tal-familja jista’ jipprattika sport, minn mixja qasira, għal dawra bir-rota jew ġirja biex kulħadd iżomm ruħu attiv.

Attivitajiet li jżiedu fil-popolarità anke permezz tal-Kunsilli Lokali u l-iskejjel. 

Fil-fatt il-kollaborazzjoni bejn il-Kunsilli Lokali u SportMalta tkun ħafna iktar attiva matul ix-xahar ta’ Settembru.  Huma diversi l-kunsilli li jorganizzaw attivitajiet sportivi fil-lokalitajiet tagħhom. Dawn ivarjaw minn attivitajiet organizzati mill-klabbs tal-lokal, attivitajiet oħra għan-nies ta’ kull età u mixjiet fil-lokalità li jagħqdu flimkien l-isport u l-kultura.  Kultura u tradizzjoni bħalma hija r-regatta li anke matul dan ix-xahar se tkun protagonista.

L-iskejjel varji jkunu protagonisti u f’ġurnata partikolari l-akkademja tieqaf għal ftit biex kull skola tagħmel ftit attività fiżika bl-objettiv li l-għalliema tal-klassi jżommu ma’ dan l-eżempju matul is-sena kollha.

L-aktar ħaġa importanti pero huwa li kulħadd iwassal il-messaġġ li l-attività fiżika hija strumentali għal ħajja iktar b’saħħitha.  Huwa għalhekk li pajjiżi membri jkollhom ambaxxaturi varji biex permezz tal-midja soċjali jwasslu l-messaġġ lil kulħadd. Peress li l-2021 kienet sena Olimpika u ParOlimpika, se jkunu l-atleti li ħadu sehem f’Tokyo l-ambaxxaturi għal din is-sena.  Pero kulħadd jista’ jkun ambaxxatur u kulħadd jista’ jwassal il-messaġġ u matul dan ix-xahar u fix-xhur ta’ wara iktar nies jersqu u jagħmlu attività fiżika.   

Ekonomija

Sport