Settur ekonomiku li qed ikompli jikber u jissaħħaħ u jħalli impatt pożittiv ħafna fuq l-ekonomija Maltija huwa s-settur marittimu. Settur li qed kontinwament jiġi kkultivat mill-Gvern tant li r-reġistru marittimu espanda b’mod li huwa wieħed mill-akbar fid-dinja, b’mijiet ta’ bastimenti li llum itajru l-bandiera Maltija.
Qasam ewlieni ieħor tas-settur marittimu huwa dak tal-cruiseliners, li s-sena li għaddiet kienet waħda rekord fir-rigward ta’ passiġġieri tal-cruises li qabżu l-ogħla livelli li kienu reġistrati qabel il-pandemija tal-2019.
L-industrija tal-cruises hija kontributur ewlieni għal numru ta’ setturi oħra tal-ekonomija Maltija, b’mod partikolari s-servizzi, kif ukoll għan-negozji tal-ħwienet, stabbilimenti tal-ikel u servizzi turistiċi oħra fil-Belt Valletta u fir-reġjun tal-Port il-Kbir.
Dan hekk kif huwa stmat li dawn il-vapuri tal-passiġġieri li jankraw fil-Port il-Kbir jikkontribwixxu madwar €88 miljun kull sena lejn l-ekonomija Maltija, bi €38 miljun f’infiq mill-passiġġieri meta jkunu f’Malta u €50 miljun oħra mill-kumpaniji tal-vapuri.
Jekk nagħtu ħarsa lejn is-sena li għaddiet, naraw li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kompliet tippromwovi lil Malta bħala destinazzjoni importanti għall-cruises fil-Mediterran. B’mod regolari tieħu sehem fl-akbar fieri internazzjonali ta’ din l-industrija, filwaqt li tinvesti f’riklamar iffukat biex iħajjar lill-operaturi tal-cruises u lill-vjaġġaturi sabiex jagħżlu lil Malta fl-itinerarji tal-vjaġġi tagħhom.
Fi kliem il-Ministru tat-Trasport Chris Bonett, l-investiment riċenti li sar qed iwassal għal operat iktar sostenibbli permezz tas-sistema shore-to-ship. Is-sistema, li tesa’ sa massimu ta ħames cruise liners fl-istess ħin, qed ittejjeb direttament il-kwalità tal-arja għal eluf ta familji li jgħixu madwar il-Port il-Kbir billi dan il-proġett huwa mistenni li jnaqqas l-emissjonijiet b’90% sas-sena 2030.
Insemmu wkoll l-importanza strateġika tal-proġett OPS (Onshore Power Supply), li poġġa lil Malta bħala l-ewwel port fil-Mediterran li joffri din it-teknoloġija, inizjattiva li tirrifletti l-ħidma tal-Gvern favur settur marittimu aktar sostenibbli. L-estensjoni tal-moll Pinto 4-5 hija inizjativa oħra u eżempju ċar tal-impenn tal-gvern lejn żvilupp ekonomiku sostenibbli u li jirrispetta l-ambjent li ngħixu fih.
Ma nistgħux ma nsemmux il-ħidma ta’ Aaron Farrugia, ir-Rappreżentant Permanenti tal-Gvern Malti fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, li qed jaħdem qatigħ u b’mod kontinwu viċin l-industrija Maltija biex pajjiżna jkompli jeċċella u jibqa’ fil-quċċata fi żmien ta’ sfidi kbar fosthom is-sitwazzjoni ġeo-politika preżenti, id-diġitalizzazzjoni u d-dikarbonizzazzjoni tal-industrija iżda wkoll il-bżonn li jġu salvagwardjati d-drittijiet tal-baħħara, salvagwardjat il-kummerċ Malti u salvagwardjati l-ibħra u l-portijiet ta’ xtutna.
Lil hinn mill-figuri u ċ-ċifri, trid tkompli ssir il-ħidma biex titwassal esperjenza Mediterranja awtentika li għaliha l-gżejjer tagħna huma rinomati globalment. Nemmnu għalhekk li bħalma għamel fis-snin imgħoddija, il-Gvern se jkompli bil-ħidma tiegħu fir-rigward ta’ dan is-settur importanti, sabiex mhux biss tkompli titħaddem l-ekonomija tal-pajjiż imma wkoll li l-Maltin ikollhom ħajja ta’ kwalità aħjar.