F’finali mill-isbaħ li ntlagħbet f’Budapest fl-Ungerija quddiem madwar 60,000 spetattur, Sevilla għelbu lil Roma wara l-għoti tal-penalties bl-iskor ta’ 4-1, biex b’hekk rebħu l-UEFA Europa League. Ta’ min jinnota l-fatt li din kienet proprju t-tielet sena konsekuttiva li finali ta’ din it-tieni l-iktar kompetizzjoni importanti u prestiġjuża Ewropea fuq bażi ta’ club, kellha tmur għall-penalties.
Fost oħrajn, kienet finali kemmxejn nervuża u li fiha rrenja l-antagoniżmu sportiv, fejn fil-fatt ġew ammoniti mir-referee Ingliż Anthony Taylor, xejn inqas minn 12-il player – sitta fuq kull naħa.
Roma fetħu l-iskor permezz tal-iskorer prolifiku Arġentin, Paulo Dybala (35).
Iżda Sevilla ma rmewx ix-xugaman anzi wettqu reazzjoni tajba u meritatament ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ auto-goal sfortunat tal-player ta’ Roma, Gianluca Mancini (55).
Fl-84 minuta il-Giallorossi tilfu ċans tad-deheb li jerġgħu jmorru fil-vantaġġ meta Lorenzo Pellegrini għadda tajjeb lejn Andrea Belotti li iżda minn quddiem il-lasta tefa’ ftit barra.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-ħin regolamentari, u b’hekk il-partita kellha tmur għall-ħin barrani.
Fil-ħin miżjud tat-tieni taqsima, Roma, kienu sfortunati li ma skorjawx il-goal tar-rebħa meta daqqa ta’ ras minn ġol-kaxxa ta’ Chris Smalling stampat mal-mimduda.
U l-iskor baqa’ intatt anke wara l-ħin barrani, u b’hekk il-partita kellha tmur għall-għoti tal-penalties, b’Sevilla finalment joħorġu rebbieħa.
Din kienet l-ewwel darba minn sitt finali Ewropej li kien involut fihom li l-coach ta’ Roma, Jose Mourinho, safa megħlub. Dan filwaqt li Sevilla komplew bir-rekord li qatt ma tilfu finali minn seba’ finali Ewropej li kienu involuti fihom.
Din kienet l-ewwel darba wkoll li tim immexxi minn Mourinho mar għall-penalties f’finali Ewropea u t-tielet darba minn seba’ finali Ewropej li Sevilla marru għall-għoti tal-penalties.