Żagħżugħ ta’ 24 sena ngħata sentenza ta’ sena ħabs sospiża għal sentejn u multa ta’ €3,000 wara li ammetta akkużi marbuta ma’ inċident fiż-Żejtun ilbieraħ filgħaxija.
Ahmad Dzhaudat Alali, ċittadin Sirjan, tressaq il-Qorti wara inċident li seħħ għall-ħabta tal-10pm ilbieraħ, meta r-Renault li kien qed isuq baqgħet dieħla f’arblu tal-Enemalta.
Il-Qorti semgħet li wara l-inċident, Alali ħarab minn fuq il-post.
Waqt tfittxija fil-vettura, il-pulizija sabet mobile li kien jappartjeni lis-sieħba tal-akkużat. Aktar investigazzjonijiet wasslu lill-pulizija għal Alali.
Meta ntalab jipprovdi d-dokumenti tiegħu, il-pulizija stabbiliet li kien qed jgħix Malta illegalment u li ma kellux liċenzja tas-sewqan.
Alali ġie akkużat li saq mingħajr liċenzja u li saq b’mod traskurat ħafna u perikoluż .Huwa ġie akkużat ukoll li saq vettura mingħajr polza ta’ assigurazzjoni kontra r-riskji ta’ terzi persuni.
Huwa ffaċċja wkoll akkuża li għamel użu temporanju mir-Renault mingħajr il-kunsens ta’ sidha jew awtorità leġittima oħra, kif ukoll li kkawża ħsara fi proprjetà tal-Enemalta b’negliġenza.
Alali wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-prosekuzzjoni talbet lill-Qorti timponi sentenza ta’ sena ħabs sospiża għal sentejn, flimkien ma’ multa ta’ €4,000 u perjodu li matulu ma jkunx jista’ jikseb liċenzja tas-sewqan.
Id-difiża ma kkontestatx is-sentenza sospiża proposta, iżda argumentat kontra l-multa ta’ €4,000, filwaqt li rrimarkat li Alali kellu kondotta nadifa u li din kienet l-ewwel darba li xellef difrejh mal-liġi.
Il-Qorti sabet lil Alali ħati u kkundannatu għal sena ħabs sospiża għal sentejn u multa ta’ €3,000. Huwa ġie wkoll skwalifikat milli jikseb liċenzja tas-sewqan għal 18-il xahar.
L-Ispettur Darryl Farr mexxa l-prosekuzzjoni. L-avukat Sara Celiberti dehret għall-akkużat bħala avukat tal-għajnuna legali.
Il-kawża kienet preseduta mill-Maġistrat Ann Marie Thake.
