Taljan ta’ 31 sena jinsab bi ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku f’Pembroke
Fi stqarrija l-Pulizija qalu li lbieraħ, għall-ħabta tas-2.00pm, ġew infurmati b’inċident tat-traffiku fi Triq is-Suffolk, f’Pembroke.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ illi sar irriżulta li seħħet ħabta bejn mutur Honda CBR misjuq minn Taljan ta’ 31 sena residenti San Ġwann u Peugeot 4007 misjuq minn raġel ta’ 28 sena residenti San Pawl il-Baħar.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.