Kien għall-ħabta tal-5.30am meta l-pulizija ġiet infurmata li kien seħħ inċident tat-traffiku fi Triq Sir Anthony Mamo, Birkirkara.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħet ħabta bejn Nissan March u mutur Honda misjuq minn raġel ta’ 57 sena, residenti l-Imsida.

Ir-raġel ngħata l-għajnuna minn tim mediku fuq il-post u ttieħed l-isptar b’ambulanza, fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament.
Fin-Nissan kien hemm mara ta’ 25 sena residenti San Pawl il-Baħar li ma ġarrbitx ġrieħi iżda ittieħdet l-Isptar minħabba xokk, filwaqt li l-pulizija qed tfittex raġel li allegatament kien ukoll fin-Nissan fil-ħin tal-inċident, imma li allegatament telaq minn fuq il-post.
Bil-każ kienet infurmata il-Maġistrat Dr Monica Borg Galea LL.D li ħatret inkjesta, filwaqt li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet.