Raġel tilef ħajtu wara li aktar kmieni għall-ħabta tat-3:00 a.m kien involut f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq Tul il-Kosta fin-Naxxar.
Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li Franċiż ta’ 35 sena residenti Tas-Sliema, tilef il-kontroll tal-mutur li kien qiegħed isuq, tat-tip Honda CB 600, bil-konsegwenza li ħabat mal-crash barrier.
Mad-daqqa, ir-raġel spiċċa maqbud bejn il-barrier, waqt li l-mutur baqa’ jitkaxkar għal diversi metri u spiċċa fis-siġar, fil-ġenb tat-triq.
Tim mediku ta’ l-assistenza tiegħu minnufih imma sfortunatament ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet fil-post.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Caroline Farrugia Frendo ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett tan-Naxxar dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.