Xufier ta’ mutur kellu jiddaħħal l-Isptar wara li lbieraħ, għall-ħabta tal-11:00 p.m., kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq l-Imdina, Ħ’Attard.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn vettura BMW 318 misjuqa minn raġel ta’ 26 sena residenti Ħad-Dingli, u mutur tal-għamla Honda CBF125 misjuq minn raġel ta’ 33 sena residenti San Pawl il-Baħar.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li ħadet lix-xufier tal-mutur l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.