Saturday, May 10, 2025

Sewwieq ta’ mutur jingħata kumpens ta’ €74,873 wara li waqa’ f’ħofra 

Aqra wkoll

Il-Qorti ordnat lill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi jagħti kumpens ta’ €74,873 lil sewwieq ta’ mutur li weġġa’ wara li waqa’ f’ħofra.

Kien is-sewwieq ta’ mutur, Cem Kofoglu li fetaħ il-kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi u Infrastructure Malta fejn żammhom responsabbli għall-inċident li seħħ fit-2 ta’ Mejju ta’ ħames snin ilu fi Triq Għar Lapsi.

Fil-Qorti, Kofoglu spjega li kien qed isuq mutur fid-direzzjoni tas-Siġġiew meta daħal f’ħofra, tilef il-kontroll u waqa’. Ingħad li dak il-ħin fl-istess inħawi, kien hemm persuna li nzertat għaddejja, li ċemplet għall-ambulanza u dan ttieħed l-Isptar Mater Dei fejn irriżulta li sofra ġrieħi gravi.

Qal li minħabba l-inċident sarulu interventi mediċi kemm f’Malta kif ukoll f’pajjiżu u rriżulta li kawża tal-istess inċident li kellu fi Triq Għar Lapsi, sofra diżabilità permanenti ta’ 11%.

Min-naħa tagħa, Infrastructure Malta qalet li t-triq imsemmija ma taqax taħtha imma taħt il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi.  L-Imħallef Toni Abela, li sema’ l-kawża, qal li r-responsabbilità għall-manutenzjoni tat-triq kienet tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi u żammu unikament responsabbli għall-inċident.

Qal li ġie ppruvat li t-triq kienet fi stat ħażin u mimlija ħofor u sostna li xi ħadd mhux jagħmel xogħlu sew waqt li rrimarka li l-fatt li minnha jgħaddu inġenji tal-kostruzzjoni jfisser li min hu responsabbli minnha jrid jieħu ħsiebha spiss.

Meta ġie biex jaħdem l-ammont tal-kumpens, l-Imħallef Abela qies li l-vittma kellu 33 sena meta seħħ l-inċident u sofra diżabilità permanenti u ordna lill-Kunsill iħallas €74,873 lir-raġel.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport