Sunday, November 24, 2024

“Sħaqt fuq il-ħtieġa li ssir riġenerazzjoni mill-qiegħ ta’ diversi żoni fil-Marsa”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’laqgħa li s-Sindki tal-Ħamrun u l-Marsa kellhom mal-Prim Ministru Robert Abela, kienet enfasizzata l-ħtieġa li jkun hemm aktar infurzar fit-toroq f’dawn il-lokalitajiet mhux biss mill-pulizija iżda anke minn entitajiet oħra responsabbli. 

Talk.mt ħa l-kummenti tas-Sindku tal-Marsa Josef Azzopardi dwar din il-laqgħa li fiha kellhom l-opportunità li jitkellmu direttament mal-Prim Ministru f’isem ir-residenti u jagħtuh stampa ċara tas-sitwazzjoni fil-lokalità tagħhom. 

Is-Sindku tal-Marsa qalilna li hu u s-Sindku tal-Ħamrun tkellmu b’mod komdu u b’mod skjett mal-Prim Ministru u rappreżentant mill-Ministeru għall-Intern dwar is-sigurtà fil-lokalitajiet tagħhom u l-impatt tal-preżenza ta’ numru mhux żgħir ta’ barranin li mhux neċessarjament jgħixu l-Marsa.

Huwa stqarr li tkellmu fuq x’sar u l-effett tal-miżuri li ddaħħlu sa issa. Qal ukoll li tkellmu fuq dak li għad hemm bżonn li jsir sabiex jiġu indirizzati ċertu sitwazzjonijiet, mhux biss fejn tidħol is-sigurtà iżda l-infurzar b’mod ġenerali minn entitajiet differenti. 

“Ma naqasx li fid-diskussjoni nitkellmu fuq kwistjoni oħra relatata u importanti ferm, jiġifieri l-bżonn ta’ proġetti maġġuri f’diversi żoni fil-Marsa. Il-Prim Ministru sema’ u fehem x’qed nitolbu aħna, inkluż fuq il-ħtieġa li jkun hemm riġenerazzjoni mill-qiegħ ta’ dawn iż-żoni. Laqgħat bħal dawn huma tajbin u se nkomplu nsegwu dak li ġie diskuss ma’ ministeri, entitajiet u awtoritajiet oħra,” temm jgħid is-Sindku tal-Marsa. 

Sport