Monday, November 11, 2024

Sheikh Jassim jagħmel offerta mtejba biex jixtri lil Manchester United

Aqra wkoll

Ix-Sheikh bin Hamad bin Khalifa Al Thani ssottometta l-offerta finali fit-tentattiv li jixtri l-club ta’ Manchester United,  bil-biljunarju Qatar jittama li jegħleb l-isfida tar-rival, Sir Jim Ratcliffe.

Huwa qed jittama li b’din l-aħħar offerta jieħu l-kontroll assolut tar-Red Devils mingħand il-familja Glazer. Peró, fl-istess waqt huwa għadu jistma lill-United inqas minn Ratcliffe.

Kien ippjanat li l-ġimgħa li għaddiet, il-Glazers iħabbru l-offerent preferut tagħhom għas-sjieda tal-club hekk kif Ratcliffe kien il-favorit. 

Iżda proprju t-Tnejn, il-Qatari għamel offerta staordinarja biex finalment “jisraq” dik ta’ Ratcliffe. 

Diġà kien hemm tliet rounds ta’ offerti bl-iskadenza kienet stabbilita lejn tmiem ix-xahar li għadda. 

Anke jekk ix-Sheikh Jassim “kiser” il-protokoll b’din l-aħħar offerta mtejba, wieħed irid jara x’se tkun ir-reazzjoni ta’ Ratcliffe li huwa mexa skond l-istess protokoll biex deher li rebaħ din it-taqtiegħa. 

Għandu żewġ toroq … jew jikkonċedi t-telfa jekk il-Gla­zers finalment jagħżlu l-aħħar l-offerta tal-Qatari  (li waslet wara l-iskadenza) jew inkella jiftaħ kawża legali bil-konsegwenza li din is-saga tibqa’ tkarkar. 

Madankollu, anke din l-offerta kienet waħda mtejba, il-va­lutazzjoni tiegħu tal-club xorta waħda baqgħet inferjuri minn dik tal-Britanniku. 

Huwa qed iwiegħed ukoll li jħallas id-dejn tal-club li jammonta għal £540 miljun. Fil-veritá, huwa jrid iħallas dan id-dejn “bi flus il-Glazers”. Dan minħabba li filwaqt li t-talba tal-Ame­rikani hija dik ta’ £6 biljuni, huwa ma laħaqx din iċ-ċifra.

U filwaqt li l-partitarji tar-Red Devils huma kollha wara x-Sheikh Jassim, l-offerent preferut se jintgħażel x’jaqbel lil Glazers li sat-Tnejn dehru li riedu jibqgħu bl-ishma fil-club. 

U għal dan il-għan, l-offerta ta’ Ratcliffe hija l-aktar waħda li tapplika għalihom fejn eventwalment jilħqu l-għan tagħhom ta’ £6 biljuni. 

Jidher li fis-sigħat li ġejjin se jkun hemm ċaqliq minħabba li din is-saga trid tiġi fi tmiemha minħabba li fi ftit ġimgħa oħra jiftaħ is-suq tat-trasferiment. 

Nistennew u naraw!

Sport