Saturday, December 21, 2024

SHEMA – LEJL IMDAWWAL MILL-KELMA

Aqra wkoll

Matul din is-sena, id-Djoċesi ta’ Għawdex qed tiddedika l-Pjan Pastorali tagħha lill-Kelma ta’ Alla – il-Bibbja, imnebbħa mill-kliem tal-Vanġelu skont San Luqa: “U beda jfissrilhom l-Iskrittura” (24:27).

Fl-aħħar xhur, ittieħdu diversi inizjattivi ta’ natura pastorali, fosthom it-tqassim ta’ kopja tal-Vanġelu ta’ San Mattew lid-djar kollha f’Għawdex, proġett li seta’ jsir bl-għajnuna finanzjarja ta’ APS Bank.

L-inizjattiva li jmiss, fuq xewqa tal-Isqof Anton Teuma, se tkun: Shema – Lejl Imdawwal mill-Kelma nhar is-Sibt 6 ta’ Mejju 2023, bejn is-7.00pm u 12.00am. L isem ta’ din l-attività hu meħud mill-kelma Lhudija Shema, “Isma’, l-ewwel kelma tat-talba biblika li kull Lhudi kien jitlob ta’ kuljum (Dewt 6:4-5).

L-attività se tkun tikkonsisti f’diversi attrazzjonijiet b’xejn fil-qalba tal-Belt Victoria, li b’xi mod kollha sa jkollhom rabta mal-Kelma ta’ Alla. Dan il-lejl tas-6 ta’ Mejju se jkun tassew ‘imdawwal mill-Kelma ta’ Alla’, u għalhekk ser jieħu forma ta’ notte bianca. L-attivitajiet ivarjaw minn wirja li toffri lil min iżurha esperjenza ħajja, għal kunċerti mużikali, għal esebizzjonijiet fil-beraħ minn artisti lokali, għal bejgħ ta’ ikel b’tema biblika, kif ukoll attivitajiet immirati għat-tfal.

Għal dan il-għan se jintużaw kemm knejjes u binjiet pubbliċi, u kemm pjazez u toroq, fejn il-pubbliku, bl-għajnuna ta’ mappa, ikun jista’ jdur minn attrazzjoni għall-oħra u jitgħallem dwar il-kontenut u l-messaġġ tal-Iskrittura Mqaddsa.
Shema – Lejl Imdawwal se jsir bl-involviment kemm ta’ komunitajiet u gruppi fil-Knisja f’Għawdex, u kemm ta’ artisti individwali, bl-għan li barra l-messaġġ prinċipali reliġjuż jippromovi wkoll il-kultura u t-tradizzjonijiet lokali. Fost dawn hemm l-Animae Gospel Choir taħt id-direzzjoni ta’ Pamela Bezzina li se jagħti l-kunċert tal-għeluq fi Pjazz Indipendenza, il-Cash Duo, l-Echo String Ensemble, il-Kor Gaulitanus, il-Kor Djoċesan taż- Żgħażagħ, il-Beta Entertainment Theatre Company, il-kok rinomat George Borg, l-opinjonista Peppi Azzopardi, u diversi oħrajn.

Fil-Bitħa tal-Kurja Veskovili fi Triq ir-Repubblika, is-Sibt fl-10.00am il-pubbliku hu
mistieden għal peżentazzjoni dwar sejbiet arkeoloġiċi fis-Sinagoga ta’ Galilei Huquq (c.seklu 5 WK) u taħdita dwar il-Manuskritti tal-Baħar il-Mejjet minn Dr Dennis Mizzi, mid-Dipartiment tal-Istudji Orjentali tal-Università ta’ Malta, waqt li fl-istess post, filgħaxija, diversi qarrejja professjonali jkunu jaqraw siltiet mill-Iskrittura Mqaddsa.

Ekonomija

Sport