Saturday, December 21, 2024

“Sibna min jipprova d-droga ta’ 10 snin” – Mons. Victor Grech

Aqra wkoll

“B’xorti ħażina, ngħid li l-problema tad-droga nfirxet f’Malta. Ħafna qed jibdew minn kmieni ħafna fejn saħansitra sibna li hawn min qed jippruvaha ta’ għaxra jew 11-il sena. Kien għalhekk li ddeċidejna li niftħu dar għall-minorenni li jkunu għaddew minn din l-esperjenza xejn sabiħa.” Iddikjara dan il-Mons. Victor Grech, f’intervista li ta lil talk.mt ftit sigħat wara li tħabbar li huwa r-rebbieħ tal-Premju Anzjanità Attiva. 

Dun Victor, kif inhu magħruf ma’ ħafna Maltin u Għawdxin, m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni. Illum il-ġurnata hu għandu 92 sena magħluqa. Hu twieled f’Bormla fid-19 t’Ottubru 1929 u ggradwa mill-Università ta’ Malta. Wara li kien ordnat bħala saċerdot, hu kellu wkoll diversi rwoli fosthom viċi-rettur u rettur tas-Seminarju.

Minkejja li llum il-ġurnata għandu 92 sena, Dun Victor għadu attiv ferm b’ġurnata organizzata bl-akbar reqqa fejn ikompli jagħti s-servizz tiegħu bħala saċerdot. Dan is-sit ltaqa’ miegħu fejn wieħed mal-ewwel innota t-trankwillità u s-serenità ta’ dan is-saċerdot ferm magħruf f’Malta iżda umli ħafna fil-karattru tiegħu.

Bdejna biex saqsejnieh dwar dan l-unur li rċieva ftit tal-jiem ilu fejn ammetta li ma kienx qed jistenna dan kollu. “Ma stennejtx li se nintgħażel għal dan il-premju ta’ anzjanità attiva. Qaluli li kien hemm madwar 51 nominazzjoni. Nammetti li ħadt gost b’dan l-unur li nilqgħu umilment. Bejni u bejn ruħi għedt li issa jien xjaħt sew!”

Kif għedna, Dun Victor għadu ferm attiv minkejja l-età tiegħu. “Jien nirraġuna li mhux iż-żmien li jkollok fil-ħajja, iżda bil-kontra; il-ħajja li tpoġġi fiż-żmien. Għalhekk inżomm ruħi attiv kemm nista’. Fis-sebgħa u nofs ta’ filgħodu nsuq lejn il-kappella sabiex inqaddes il-quddiesa tat-tmienja. Imbagħad filgħodu nkomplih billi nisma’ u nagħti pariri lin-nies. Kif immur id-dar, peress li ngħix waħdi, insajjar xi ħaġa sabiex nikolha matul il-ġurnata. Aktar tard, nara l-korrispondenza li tasalli u naqra l-gazzetta. Ma jistax jonqos li nżur il-CARITAS u r-residenti li qegħdin hemmhekk. Ma nistax ngħid li ma jkollix ukoll xi mumenti ta’ skiet għax nemmen li dan jgħinni sabiex naħseb u nirrifletti iktar fuq dak li jkun għadda miegħi matul il-ġurnata.”

Sfortunatament il-bniedem bħal qisu mhux qed jagħti l-importanza meħtieġa lil Alla. Dun Victor qabel ma’ din it-teorija, anzi żied li llum il-ġurnata jeżistu ħafna weġgħat li jibqgħu f’qalb il-bniedem u minflok isib kura jew rimedju għalihom, qed jirrikorri għal dawn il-vizzji sabiex mingħalih jinsa għal ftit ħin dak li għaddej minnu.

Madankollu Monsinjur Grech dejjem jirrispetta l-proxxmu tant li jirraġuna li bħala CARITAS, huma ma jittrattawx il-vizzju iżda lill-persuna. 

Iżda jista’ jkun li dawn il-weġgħat ġejjin minħabba l-ħajja li qegħdin ngħixu li hija waħda mgħaġġla? M’hemmx dubju li dan hu fattur ferm predominanti. Skont Dun Victor, illum hemm ħafna ambizzjonijiet, ma sirniex nikkuntentaw ruħna b’kollox bħal qabel u dejjem irridu. Qabel konna ngħixu b’affarijiet sempliċi u napprezzaw aktar il-valur tal-ħajja. Hu veru li sar progress speċjalment f’dak teknoloġiku li hi xi ħaġa tajba iżda l-bniedem bħal donnu mhux dejjem qed jużah bl-aqwa mod possibbli. Barra minn hekk, il-bniedem bħal donnu tbiegħed minnu nnifsu u kważi kważi ma jafx eżatt għalxiex qed jgħix.

Fattur ieħor li qed jidher sew hu n-nuqqas ta’ rispett lejn l-awtorità.

“B’xorti ħażina r-rispett naqas kullimkien. Hemm terminu ideali għal dan il-fattur u nsejħulha modernita’ likwida. Ġaladarba wieħed jintrabat mal-ħwejjeġ ta’ din l-art u jara li dawn huma tajbin għalih u għal ħadd iktar, l-awtorita’ tiġi sekondarja.”

Dan kollu hu sintomu ta’ kultura li twarrab l-għeruq tal-bniedem u li ġġibu skjav tiegħu nnifsu. Din hi waħda mir-raġunijiet li llum il-ġurnata ċerti nies mhumiex kapaċi jżommu impenn. Hu kruċjali li f’dan iż-żmien nanalizzaw ftit ħajjitna u nirriflettu fuq dak qed ngħaddu minnu tul ħajjitna.

“Dan kollu qed iġib problemi fil-familja għax kif nafu jekk int ma tkunx kapaċi tirrispetta lilek innifsek , diffiċli tirrispetta lil ħaddieħor. “

Monsinjur Grech jirrikonoxxi li għad fadal familji tajbin fil-gżejjer Maltin u dan hu fattur importanti. Minkejja kollox, hu importanti li mal-inqas intopp il-koppja għandhom jaraw kif se jsolvu l-problema mhux wieħed mill-membri jaqbad u jitlaq ‘il barra. Din hi s-sitwazzjoni ta’ bħalissa. Huwa għalhekk li l-bniedem ma jafx fejn hu u hemm bżonn jirrifletti sew f’dak li jkun se jagħmel.

Iżda x’se jkun il-futur ta’ Dun Victor Grech?

“Jien inħalli kollox f’idejn il-Bambin bħalma dejjem għamilt. Jien dejjem nirraġuna li llum hi l-aħħar ġurnata tiegħi u nipprova ngħixha bl-aqwa mod possibbli. Intenni, jien inħalli kollox f’idejH.”

Xtaqna li Dun Victor jwassal l-aħħar messaġġ lil dawk il-persuni li bħalissa għaddejjin minn mumenti ta’ tbatija. 

“L-ewwel u qabel kollox, importanti li l-bniedem ikollu l-kuntentizza minn ġewwa għax inkella diffiċli jgħix ħajja trankwilla. Kemm hu sabiħ meta int tgħix b’mod seren mhux biss għalik innifsek iżda wkoll għal ta’ madwarek.”

“Ejjew nippruvaw nirrispettaw aktar lilna nfusna sabiex ħaddieħor verament jirrispettana.”

Ekonomija

Sport