Saturday, December 21, 2024

“Sibt anġlu li refagħni minn xagħri”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Tuneżina li tgħix Malta ssib għajnuna kbira minn impjegati tal-lukanda waqt il-kwarantina

Is-safar fi żmien il-pandemija tal-Covid-19, b’mod speċjali bil-varjant Delta, huwa ta’ ċertu riskju u dan aktar meta l-pajjiż tad-destinazzjoni jkun ikklassfikat bħala wieħed ta’ riskju għoli. Iżda s-safar ma jsirx dejjem b’għażla. Hemm in-neċessità ta’ xogħol u hemm każijiet urġenti ta’ qraba rikoverati fi sptar jew morda. 

Hekk ġara lil Hayet Hamdi, Tuneżina b’ċittadinanza Maltija, li f’intervista ma’ Talk.mt irrakkontat dak li kellha tgħaddi minnu biex tmur tara lil ħuha fi sptar f’Tuneż. Lura Malta hija ttieħdet fi kwarantina f’lukanda għal spejjeż tagħha u barra l-fatt li dan il-piż finanzjarju ma tifilħux, l-14-il jum magħluqa f’kamra ggravawlha d-dipressjoni tant li bdiet tikkontempla s-suwiċidju. Kien grazzi għall-għajnuna ta’ “anġlu” li jaħdem fil-lukanda li kienet fiha, li llum il-ġurnata hija għadha magħna.

Ridt narah qabel imut…

“Sifirt b’urġenza bejn it-22 u t-30 ta’ Lulju għax kelli lil ħija fl-isptar u ridt narah qabel imut. Fis-27 ta’ l-istess xahar daħlet liġi ta’ kwarantina għal min jidħol minn ċerti pajjiżi. Kelli test negattiv qabel wasalt fl-ajruport ta’ Malta imma kemm lili, kif ukoll oħrajn ta’ nazzjonalitajiet differenti, qabduna u ħadnuna f’lukanda,” spjegat it-Tuneżina b’ċittadinanza Maltija.

Hayet ġiet l-ewwel darba f’Malta lura fl-1989 f’vaganza ppjanta għal sebat ijiem. Pajjiżna laqgħaha ħafna tant li ddeċidiet li tibqa’ hawn. “Malta riditni u bqajt hawn fejn itlqajt ma’ persuna Maltija u żżewġina. B’hekk sirt ċittadina Maltija. Ilni armla mill-1996 u jien hawn nixtieq immut għax kbirt hawn. Il-ġirien illum il-ġurnata huma l-familja tiegħi,” stqarret din il-mara.

Hija qalet li fi 33 sena kull ma marret f’pajjiżha kienu erba’ darbiet u dan għal perjodu ta’ bejn wieħed u ieħor ġimgħa. Is-safra lura f’art twelidha kellha tagħmilha għax kien verament każ urġenti u ma setgħetx tagħmel mod ieħor. Imma dak li kellha tiffaċċja wara kien tassew diffiċli u dan minħabba li hija mara li tgħix bl-għajnuna soċjali u b’relief ta’ €450 fix-xahar, minkejja li mhix tmut bil-ġuħ, żgur li ma tiflaħx għal €1,400 lukanda minħabba kwarantina.

“Għal €100 kuljum kien ikun aħjar kieku bqajt magħluqa d-dar. Minflok ħaduna f’lukanda fiċ-ċentru ta’ Malta. Meta wasalna tawna platt għaġin u flixkun ilma u mill-għada kellna ikla żgħira ta’ filgħodu u ftit ilma. Dan għalija ma kienx biżżejjed għax inbati biz-zokkor u bilfors ikolli nixrob ħafna ilma,” kompliet Hayet.

Il-mara qalet li l-lejl li daħlet fil-lukanda kull ma kellha fuqha kienu €40 u ma kellhiex il-kalmanti u l-mediċini taz-zokkor fuqha għall-perjodu li kellha tagħmel magħluqa hemm. Hija talbet l-għajnuna tal-maniġer tal-lukanda fejn l-għada ħa ħsieb li jipprovdilha trasport biex iġġib il-mediċini meħtieġa.

“M’għandux abjad jew iswed… jgħin lil kulħadd”

Il-mara qalet li, “tlabt li nkellem lill-maniġer u semagħni. Għidtlu li f’Malta m’għandi lil ħadd ħlief il-ġirien u li ma jafux fejn jiena. Għandi ħbieb Maltin imma kollha għandhom ċertu età u għaldaqstant kelli problema b’min se jġibli xi affarijiet li kelli bżonn”. 

Hayet qalet li f’dan il-mument ta’ tensjoni ħassitha tistordi u ġabulha tabib biex fost l-oħrajn jiċċekkjawlha z-zokkor. “Sabuli għoli ħafna u qalilhom li rrid niekol u nixrob ta’ bilfors. Il-maniġer kien jaf biċ-ċirkostanzi tiegħi u qalli li fejn se jkun jista’ jgħinni, se jipprova jgħinni. Dan ir-raġel m’għandux abjad jew iswed. Kemm jekk inti Malti, Ingliż, Indjani, int x’int, jgħin lil kulħadd u kien jiġri u jċempel ’l hemm u ‘l hawn biex jaqdini,” qalet bi gratitudni t-Tuneżina/Maltija.

Iz-zokkor ta’ Hayet beda jibqa’ għoli minħabba l-inkwiet li kellha kemm minħabba flus, kif ukoll minħabba li ma kellhiex biżżejjed ikel, ilma u bżonnijiet oħra fosthom affarijiet biex tinħasel. Hija qalet li m’għandha ebda mard iżda l-inkwiet beda jagħmel tiegħu. 

Il-mara spjegat kif il-kwarantina ma kinitx faċli u dan minħabba li ma kellha xejn x’tagħmel. Staqsiet, “kemm se ddum tara t-televiżjoni, tinħasel u torqod?” Biex tmidd idejha hija kienet tnaddaf il-kamra tagħha hija stess iżda waħda mill-affarijiet li dejqitha kienet dik li lanqas setgħet tittawwal mill-gallarija tal-lukanda għax qalulha li tista’ tiġi fl-inkwiet.

L-affarijiet però ma kienux se jibqgħu gravi għaliha minħabba li l-maniġer ta’ qalb tajba pprovdielha ħafna ilma, ġieli tliet jew ħames pakketti, kif ukoll ikel u bżonnijiet oħra essenzjali bħal sapun u xugamani. “Ċempilna anke lill-ambaxxata Tuneżina u ġabuli xirja. Kien jiġi mat-tabiba u tant għeni li se nibqa’ nafhulu għal għomri. Ma nafx x’kien jiġri minni kieku ma kienx dan il-bniedem. Dan ir-raġel barra li għeni fil-materjal, kien dejjem jipprova jżommni kalma minħabba li d-dipressjoni ggravatli għax kont magħluqa bejn erba’ ħitan ġurnata sħiħa,” kompliet Hayet. 

“Meta kont hemm wasal mument ikrah fuqi”

Hija qalet li dan is-sammaritan impjegat fil-lukanda ta’ kuljum beda jeħdilha l-ikel u l-ilma wara l-bieb u li żied fl-ammont minħabba l-bżonnijiet mediċi tagħha. Kien hawn li z-zokkor fid-demm beda jinżlilha sakemm fl-aħħar reġa’ ġie għan-normal.

Sostniet li, “diffiċli ssib persuna tagħmel dan kollu miegħek bħalma għamel dan ir-raġel miegħi. Kelli anġlu li forsi kieku ma kienx huwa, kieku m’inix hawn inkellmek illum. Meta kont hemm wasal mument ikrah fuqi tant li kont se nieħu ħajti b’idejja… Imma, dan ir-raġel qisu ġabarni minn xagħri”. 

Hija qalet li rat qalb tajba mill-ħaddiema kollha tal-lukanda imma b’mod speċjali mill-Maltin li kienu ta’ spalla għaliha f’sitwazzjoni ferm diffiċli. “Bdew jieħdu ħsiebi kull minuta u n-nies bdew ipoġġuli l-affarijiet wara l-bieb. Kienu jħabbtuli fuq il-bieb u jitilqu,” qalet bi tbissima Hayet.

Illum il-ġurnata hija tinsab kuntenta lura d-dar fejn qalet li meta ħarġet mil-lukanda għaliha l-ħajja qisha reġgħet bdiet mill-bidu. Fir-rutina tas-soltu fejn tieħu ħsieb li tqatta’ ftit ħin titkellem mal-ġirien tagħha Hayet però, baqa’ jinkwetaha l-ħsieb li minn jum għall-ieħor se tirċievi kont ta’ €1,400 tal-lukanda li ospitatha. 

“Din il-€100 għal ħmistax minn fejn se nħallasha? Dan huwa l-inkwiet li għandi bħalissa. Jien la għandi karozza, la għandi flus fil-bank u lanqas għandi ħwejjeġ li jiswew il-flus. M’inix mejta bil-ġuħ. Ngħaddi. Imma dan il-kont żgur li m’għandix imnejn inħallsu”.

Hayet sostniet li persuni f’sitwazzjoni ekonomika bħal tagħha, li minħabba ċirkostanzi serji kellha ssiefer, ma jifilħux għal inkwiet ieħor minħabba kwarantina bi ħlas għoli. “It-total”, qalet il-mara, “huwa bejn tliet u erba’ darbiet aktar mid-dħul tiegħi fix-xahar u dan huwa ta’ nkwiet kbir għalija. Nappella lill-awtoritajiet biex jaraw il-mezzi u ċ-ċirkostanzi ta’ dak li jkun għax €100 kuljum għal 14-il jum żgur li huma iebsa għal min għandu dħul baxx bħali”.

Ekonomija

Sport