Wednesday, November 20, 2024

Sid jippreferi “jħalli l-wirdien igawdi” post milli jikrih minħabba inkwilini problematiċi

Jgħid li ma tistax tkeċċi inkwilini problematiċi jekk mhux bil-Qorti

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-problema ta’ fejn wieħed isib jikri kemm minħabba l-fatt li l-popolazzjoni f’Malta żdiedet, kif ukoll minħabba li l-prezzijiet tal-kiri għolew, hija waħda li nisimgħu dwarha ta’ spiss. Ħafna drabi wieħed isemmi d-diversi sfidi li trid tiffaċċja dik il-familja jew persuna li tixtieq ikollha saqaf fuq rasha aktar milli dwar x’jiffaċċjaw jew iħabbtu wiċċhom magħhom is-sidien li jipprovdu dan is-saqaf bi ħlas ta’ kull xahar bħala kera. 

Kull munita għandha żewġ faċċati u l-problemi mhumiex biss stat ta’ fatt għal min irid jikri iżda anke għal dawk li jikru. Kif jgħidu, trid tkun fil-borma biex tkun taf x’fiha u hekk qal lil talk.mt persuna li għandu tliet appartament għall-kiri li sab ruħu f’diffikultajiet kbar wara li ma setax ikeċċi, jekk mhux bil-Qorti, inkwilin li kiser għadd ta’ klawsoli mill-kuntratt. 

Kemm ilu jikri, dan il-kerrej tant qala’ fuq wiċċu, li ddeċieda darba għal dejjem li jagħlaq il-bieb tal-appartament inkwistjoni u ma jikrihx iżjed. Dan minħabba problemi “terribli” u nuqqas ta’ għajnuna jew azzjoni minn, kif qiegħed jitlob huwa, awtorità apposta li tieħu deċiżjonijiet effettivi u fil-ħin fir-rigward.

Sitwazzjoni xejn pjaċevoli għal min jikri… ħmieġ, ħsara, storbju, inkwiet u ġiri 

“Nitkellmu ħafna dwar problemi li jiffaċċjaw dawk li jikru iżda s-sitwazzjoni għalina mhi pjaċevoli xejn. Għal tliet xhur sħaħ għaddejt minn inkwiet kbir minħabba inkwilin li fl-appartament daħħal kelb daqsiex. L-annimal, iddisprat għax kien ikun ġurnata sħiħa waħdu, ikkważa ħsarat kbar, ħmieġ u storbju li anke ġabni fl-inkwiet mal-ġirien għax ma keċċejtux. Dawn ħaduha kollha kontrija,” sostna dan is-sid ta’ post bil-kera. 

Huwa spjega li l-post inkwistjoni kien rreġistrat mal-Awtorità tad-Djar u ċ-ċwievet għaddew għand dan l-inkwilini bil-patt u l-kundizzjoni li jirrispetta l-klawsoli msemmija fil-kuntratt. Min-naħa tiegħu huwa sostna li, “ma tistax taqbad u tkeċċih. F’sitwazzjoni bħal din biex tkeċċih trid tmur il-Qorti u llum il-ġurnata trid mat-€3,000 biex tiftaħ kawża”.

Daħħal kelb daqsiex… 

Ir-raġel imweġġa’ mill-esperjenzi li qiegħed jgħaddi minnhom minħabba “nies irresponsabbli” li jikru l-postijiet mingħandu, qal li f’dan il-każ il-kelb kien ta’ razza kbira ħafna u kkważa ħsarat fost l-oħrajn fil-gypsum u s-sufan. Dan daħlu fil-proprjetà tiegħu mingħajr ma kien hemm kunsens bil-miktub hekk kif stipulat fil-klawsoli tal-kuntratt. “Fil-kuntratt hemm għadd ta’ kundizzjonijiet imma hemm inkwilini li ma jirrispettawhom. Mort għand il-Pulizija, għand il-Housing u anke għand tal-Animal Welfare imma kull fejn tmur jgħidulek biex tqabbad avukat għax kollox irid isir bil-Qorti,” spjega l-kerrej. 

Wara li anke għamlu xahrejn bla dawl, l-inkwilini inkwistjoni allegatament qabu u telqulu mill-post mikri, iżda warajhom ħallew “diżastru”. Ir-ritatti li tana u qegħdin  nippubblikaw jissostanzjaw dak li lmenta dwaru dan il-kerrej. Mill-kuntratt li tiegħu tana kopja, rajna wkoll li fil-fatt hemm miktub u fffirmat mill-partijiet konċernati, li ‘l-kerrej mhuwiex permess iżomm klieb, qtates jew annimali domestiċi oħra fl-imsemmi post mingħajr il-permess miktub mill-kerrej’. 

Klawsoli oħra li huma relatati mal-każ huma dawk li l-proprjetà għandha tinżamm nadifa u jekk f’każ ta’ ħmieġ il-kerrej ma jnaddafx, huwa marbut li jħallas ammont ta’ flus (€300) ħalli s-sid ikopri l-ispejjeż. Klawsola 17 tal-kuntratt ta’ kiri bejn dan is-sid u l-kerrejja wkoll inkisret minħabba li jingħad li ‘jekk il-kerrej jonqos milli jħallas il-kera wara ġimgħatejn mid-data tal-għeluq jew inkella jkun hemm ilmenti ripetuti mill-ġirien ta’ aġir inaċċettabbli, is-sid ikollu d-dritt li jirrevoka mingħajr avviż dan il-ftehim “Ipso Jure” u dan mingħajr preġudizzju għat-talbiet tiegħu għal ħlas tal-ammont li għad irid jitħallas. F’dan il-każ, il-provvista tal-ilma u l-elettriku, jinqatgħu wkoll’.

Kuntratt bl-iswed fuq l-abjad ma jiġixi onorat

Huwa sostna li ċerti abbużi mill-inkwilini jsiru għax jafu li ma tistax tkeċċihom u li minkejja hemm kuntratt bl-iswed fuq l-abjad, dan ma jiġixi onorat. “Fil-kuntratt hemm multa ta’ €60 kuljum iżda dan l-inkwilin lanqas il-kera ma kien iħallas. Telqu bla avviż u ħallew dejn ta’ €3,028 f’kirjiet u kontijiet mhux imħallsa u ħsarat varji. Jien, flok qlajt lira spiċċajt ħriġt il-flus u batejt inkwiet, ġiri u spejjeż,” insista dan il-kerrej. 

Min-naħa tiegħu huwa qal li kien għamel rapport mal-Awtorità tad-Djar fir-rigward imma għalih, “dan kollu ġrali minħabba nuqqas ta’ protezzjoni legali lis-sidien. Sfortunatament l-inkwilini kienu ċittadini Maltin”. Hawnhekk dan is-sid qal li fi kwistjoni oħra ta’ kiri, din id-darba ta’ appartament ieħor, kellu inkwilini li tant ħallewlu ħmieġ sa anke l-lożor kellu jarmi.

Iddispjaċut b’dak li għadda minnu u kif inhija s-sitwazzjoni għalihom, dan is-sid ta’ post bil-kera qal li kien hemm żmien fejn kienet issemmiet unjin tal-kerrejja iżda, għalih, l-aħjar soluzzjoni tkun dik li tiġi mwaqqfa awtorità apposta biex tieħu ħsieb każijiet bħal dawn u li tkun tista’ tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa mingħajr dewmin. 

“Hemm bżonn li dawn ikun pronti u jieħdu azzjoni fosthom li f’każ bħal tiegħi, ineħħu l-kelb minn hemm. Jistgħu jaraw x’inhu jiġri barra minn Malta fosthom fir-Renju Unit fejn il-Kunsill tagħhom, fi żmien xahar, isolvu kwistjoni bħal din. Hemm ukoll il-Kanada fejn il-Pulizija tagħhom mill-ewwel jieħdu azzjoni. Tmur u teħles,” kompla l-kerrej. 

Quddiem dan kollu issa huwa għamel riżoluzzjoni miegħu nnifsu li ma jikrix aktar postijiet “għax mhuwiex lant” fejn konvint żied jgħid li, “nagħlaq il-bieb u nħalli l-wirdien igawdih. Hekk inqas problemi”.

“Huwa l-Bord li Jirregola l-Kera biss li għandu s-setgħa li jordna żgumbrament”

Il-Ministeru tal-Akkomodazzjoni Soċjali

Dan is-sit irrefera dan il-każ lill-Ministeru tal-Akkomodazzjoni Soċjali fejn qalilna li, “mingħajr ma nidħlu fil-mertu ta’ ebda każ partikolari għax huma l-awtoritajiet konċernati li jaraw il-fatti, każ b’każ, huwa l-Bord li Jirregola l-Kera biss li għandu s-setgħa li jordna żgumbrament u l-aċċess tas-sid huwa wkoll regolat mill-Qorti skont il-liġijiet ċivili viġenti u l-kundizzjonijiet kuntrattwali li jeżistu bejn il-partijiet”.

Fir-rigward ta’ ħsarat u manutenzjoni u ġaladarba l-kirja hija reġistrata, il-Ministeru aċċerta li, “wieħed jista’ jsib rimedju effiċjenti mill-Panel tal-Arbitraġġ fi ħdan l-Awtorità tad-Djar. Ta’ min jghid ukoll li llum, grazzi għall-Att Dwar il-Kirjiet Residenzjali Privati, saret aktar faċli li s-sidien jitolbu żgumbrament hekk kif tali proċess sar aktar spedit”.

Sport