Sunday, December 22, 2024

Sigarett u flixkun birra jitfgħuh 18-il xahar ħabs

Aqra wkoll

Somalu ta’ 21 sena ġie kkundannat 18-il xahar ħabs hekk kif instab ħati li fl-2020 weġġa’ raġel waqt li kien Birżebbuġa.

Hassan Jama Hassan, deher quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, mixli mill-Ispettur Janetta Grixti. Hu ġie akkużat li fil-11 ta’ Novembru ta’ tlett snin ilu għall-ħabta tal-10.45pm meta kien fil-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa mexa wara raġel fejn talbu sigarett u flixkun birra. Jirriżulta li r-raġel ma tahx dak li ried filwaqt li baqa’ miexi ‘l quddiem. Is-Somalu baqa’ miexi warajh, qabdu mill-but ta’ wara u aggredieh.

Il-vittma qal li f’idejh l-aggressur kellu xi flixken tal-birra filwaqt li beda jagħtih. Hu sofra ġrieħi ħfief f’idu x-xellugija, f’dahru u f’xufftejh.

Is-Somalu kien akkużat ukoll li fuqu kellu arma li taqta’ u bil-ponta mingħajr il-liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija kif ukoll li kien qed iġorr arma tan-nar.

Minkejja li ġie akkużat bl-aħħar żewġ akkużi, hu ma nstabx ħati għalihom minħabba nuqqas ta’ provi.

Il-Maġistrat ordnat li mit-18-il xahar ħabs jitnaqqas iż-żmien li l-akkużat għamel taħt arrest preventiv. Ordnat ukoll li jitpoġġa ta’ ordni ta’ trażżin għal tliet snin.

Ekonomija

Sport