Apparti minn xi artiklu lil hemm u lil hawn jew xi kontroversja ta’ ftit mumenti dwar in-newtralità, meta qatt issir diskussjoni serja u bla teatrini dwar is-sigurtà tal-pajjiż? Mhux biss fhiex tikkonsisti dis-sigurtà u xinhu li qed jheddidha – jekk tassew qed taffaċċja xi theddida – imma wkoll kif qed infittxu li nilqgħu minn qabel għal kwalunkwe theddida barranija lis-sigurtà. Din hi materja li m’għandhiex tqajjem diżgwid partiġġjan imma titmexxa b’sens bejn in-naħat politiċi kollha.
Fl-Ewropa kollha bħalissa qam ferment ta’ diskussjonijiiet ta’ dat-tip. Ma jfissirx li għax qed jagħmlu hekk oħrajn, għandna nsegwuhom. Imma anke jekk ma ningħaqdux mal-panikk tagħhom (jekk huma ppanikkjati), lanqas ma nistgħu nkunu xotti f’li nistqarru u nħaddmu dwar il-politika tas-sigurtà li pajjiżna jeħtieġlu jemmen fiha u jwettaq.
Għarfien ta’ dil-ħaġa u stqarrija ta’ għanijiet li huma komuni għall-forzi politiċi kollha jagħmlu sens kbir fil-qagħda attwali tal-kontinent li nifformaw parti minnu.
SARKOZY
Il-kundanna għal snin ta’ ħabs lill-eks President Franċiż Nicolas Sarkozy għadha tidwi. Ma kinitx l-ewwel kundanna tiegħu imma l-ewwel waħda li poġġietu l-ħabs. Mingħandu smajna l-istqarrijiet li jinħarġu f’każi hekk… li prosekuzzjoni u ġudikanti mexxew proċess politiku partiġġjan; li ntefqu flejjes enormi biex “taparsi” Sarkozy jinstab ħati; li kien hemm fatturi ta’ tpattija u ta’ mibegħda personali involuti…
Argumenti hekk intużaw minn eks-mexxejja li nstabu ħatja ta’ korruzzjoni jew abbuż ta’ poter, u wara ġie żvelat li ma kinux daqshekk imbiegħda mir-realtà… bħal fil-każ ta’ Lula l-president attwali tal-Brazil. Instab ħati fi proċeduri fil-qrati li ħallewh bla nifs. Wara instab li l-akkużi kienu esaġerati, li fil-ġudikanti kien hemm animu partiġġjan. Lula nħeles mill-ħabs u rebaħ l-elezzjoni presidenzjali li kien imiss.
Kemm dan jagħti xi dawl fuq il-każ ta’ Sarkozy jew każi oħrajn, diffiċli tgħid…
IN-NATO U Ż-ŻUNŻAN
Il-pajjiżi membri tan-NATO qishom irrealizzaw li parti sostanzjali mill-istrateġija militari tagħhom tippernja fuq premessi antikwati. Kif qed turi l-gwerra tal-Ukrajna, l-attakki fuq għadu saru jsiru dejjem aktar permezz taż-żunżan, iggwidati b’mezzi elettroniċi sofistikati ħafna. F’dal-qasam l-Ewropa indunat li tinsab lura ħafna; stati bħall-Iran u l-Korea ta’ Fuq għamlu u għadhom jagħmlu avvanzi teknoloġiċi qawwija, waqt li l-Ukrajna akkwistat l-aqwa esperjenza fil-manifattura u t-tħaddim taż-żunżan… kif bilfors kellha tagħmel.
L-Unjoni Ewropea pprovat – b’inizjattiva tal-Kummissjoni – tidħol fil-biċċa billi sservi bħala l-fus li fuqu l-Ewropa tibni mal-fruntieri tagħha sur li jipproteġiha miż-żunżan. Il-proposta waqgħet bejn tliet ixfar: Min għandu jmexxi inizjattiva bħal din? L-Unjoni Ewropea? L-istati membri tagħha? In-NATO?