Il-Kumitat tal-Parlament Ewropew għas-Suq Intern, illum ħa pożizzjoni soda bil-għan li tiżdied iktar is-sigurtà għall-konsumaturi fix-xiri tagħhom, kemm bl-internet kif ukoll minn ħwienet tradizzjonali.
Il-Kumitat tas-Suq Intern adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar ir-regoli aġġornati tal-Unjoni Ewropea dwar is-sikurezza tal-prodotti mhux tal-ikel, b’41 favur, wieħed kontra u żewġ astensjonijiet.
Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jiżguraw li kull tip ta’ prodotti fl-Unjoni Ewropea, kemm jekk mibjugħa online jew fi ħwienet tradizzjonali, jikkonformaw mal-ogħla rekwiżiti ta’ sikurezza.
B’dawn ir-regoli, l-operaturi ekonomiċi kollha, bħall-manifatturi, l-importaturi u d-distributuri, ikollhom jikkonformaw mal-obbligi ġenerali aġġornati tas-sikurezza biex iqiegħdu l-prodotti fis-suq tal-UE.
Jekk dawk l-operaturi ekonomiċi ma jkunux stabbiliti fl-Unjoni Ewropea, ikollhom jaħtru persuna responsabbli fl-UE bħala punt ta’ riferenza jew ta’ kuntatt għall-awtoritajiet.
Jekk jonqsu milli jikkonformaw ma dan, jistgħu jiġu suġġetti għal penali li tista’ tlaħħaq sa 4% tat-turnover annwali tagħhom.