Illum nfakkar il-ġurnata li bidlitli ħajti. Nirringrazzja lil dawk kollha li tawni l-ewwel għajnuna u li ma qatgħux qalbhom minni sabiex stajt nibqa’ ngħix.” Iddikjara dan is-Surġent irtirat Simon Schembri fil-ħames anniversarju mill-inċident ikrah li kważi swielu ħajtu.
Schembri kompla biex jirringrazzja lill-familja tiegħu u lil sħabu għas-sapport, iżda żied jinnota li wara tant snin minn dan l-inċident li ħallieh b’diżabbiltà permanenti, il-ġustizzja għadha ma saritx miegħu.
Min-naħa tagħha ‘Simon Schembri Blue Light Foundation’ talbet li jkun hemm għeluq f’dan il-każ li kien ixxukkja pajjiż sħiħ. Il-fondazzjoni tenniet li l-każ fil-Qorti tal-Maġistrati tlesta iżda sab intopp minħabba l-kawża kostituzzjonali li fetaħ l-akkużat li qed jilmenta minħabba dak li ddeskriva bħala preġudizzju pubbliku kontrih.
Hija saħansitra rreferiet għal każi oħra li kienu esposti sew fuq il-midja li madanakollu xorta waħda l-każ tagħhom baqa’ għaddej. Staqsiet ukoll dwar x’se tkun qiegħda tbiddel id-deċiżjoni ta’ din il-kawża miftuħa mill-akkużat, anke fil-kuntest li dan irid jgħaddi ġuri.
“Kif jista’ xi ħadd jistenna li tali każi ma jkunux rappurtat fil-midja? Din ma tistax tkun aċċettata b’mod speċjali meta qegħdin ngħixu taħt il-kappa tad-demokrazija li hija protetta mill-libertà tal-espressjoni”, tenniet il-fondazzjoni.