Hekk kif din is-sena l-kunsilli lokali qed jiċċelebraw 30 sena mit-twaqqif tagħhom f’Malta u Għawdex, l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u Reġjonali (ANSEK) organizzat konferenza annwali b’kollaborazzjoni mas-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali. Il-konferenza kienet miftuħa għas-Segretarji Eżekuttivi tal-kunsilli lokali u reġjonali u għall-imsieħba oħra tal-kunsilli lokali. It-tema ta’ diskussjoni kienet il-Viżjoni Strateġika Nazzjonali tal-Gvern Lokali li ġiet imnedija dan ix-xahar.
Fl-indirizz tagħha waqt il-konferenza, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli saħqet fuq l-importanza tad-djalogu kontinwu bejn l-imsieħba tal-Gvern Lokali, hekk kif issa s-settur ser jibda l-proċess ta’ implimentazzjoni tal-Viżjoni Strateġika Nazzjonali tal-Gvern Lokali.
“Is-seba’ snin li ġejjin ser ikunu impenjattivi għall-mexxejja tal-Gvern Lokali, iżda persważa li ser ikunu ta’ benefiċċju sabiex negħlbu l-isfidi li nsibu fil-lokalitajiet, filwaqt li nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti Maltin u Għawdxin,” qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Din il-konferenza kienet tinkludi wkoll ħames workshops, b’ħames temi ta’ diskussjoni, li kienu jirrappreżentaw il-ħames pilastri ewlenin li fuqhom ġiet imfassla l-Viżjoni Strateġika. Il-workshops kienu mmexxija minn medjaturi li jispeċjalizzaw fis-suġġett ta’ kull tema.
Il-President tal-ANSEK Paul Gatt tkellem dwar il-Viżjoni Strateġika tal-Gvern Lokali u semma kif saret konsultazzjoni wiesgħa mal-imsieħba kollha inkluż mal-ANSEK. “Sabiex din il-Viżjoni Strateġika tirnexxi teħtieġ il-parteċipazzjoni ta’ kulħadd, partikolarment tas-Segretarji Eżekuttivi li jamministraw id-deċiżjonijiet u għaldaqstant għandhom ikunu huma li jixprunaw il-bidla fid-direzzjoni ta’ din il-viżjoni nazzjonali,” temm jgħid is-Sur Gatt.
Għal din il-konferenza kien hemm preżenti wkoll is-Segretarju Permanenti għall-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Joyce Dimech, id-Direttur Ġenerali tal-Gvern Lokali Natalino Attard, u l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava.