Sunday, December 22, 2024

Sindku lliberat wara li tressaq il-Qorti akkużat li saq taħt l-influwenza tax-xorb

Aqra wkoll

Il-Qorti illiberat minn kull akkuża lil Stephen Sultana, is-Sindku ta’ Santa Venera. Dan wara li fl-2022, tressaq il-Qorti mixli li saq taħt l-influwenza tax-xorb. Huwa kien akkużat ukoll li ma’ ħalliex żewġ uffiċjali tal-LESA jagħmlulu xi testijiet, b’Sultana nniffsu jiċħad għall-akkużi miġjuba kontrih

Fix-xhieda tiegħu, Sultana sostna li ma kienx minnu li ntalab jagħmel xi testijiet. Huwa qal ukoll li ma kienx fis-sakra. Sostna wkoll li dakinhar waqaf ikellem lill-uffiċjali tal-LESA għax ħass li fil-fehma tiegħu, kienu qed jonqsu mill-qadi ta’ dmirijiethom.

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Nicholas Vella u mill-Ispettur Rachel Aquilna spjegaw li l-inċident seħħ fil-ġimgħa tal-festa ta’ Santa Venera għall-ħabta tas-2:00 a.m.

Min-naħa tagħhom l-uffiċjali tal-LESA, qalu li Sultana kien twaqqaf minnhom, hekk kif ħassew li kien qed isuq b’mod perikoluż u li kien taħt l-influwenza tal-alkoħol. Huma allegaw ukoll li l-akkużat irrifjuta li jagħmel test tal-breathalyser, qabel ma saq b’mod perikoluż u kważi laqat wieħed minnhom.

Wara li semgħet is-sottomssjonijiet mmexxija mid-Difiża u l-Prosekuzzjoni, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Viktor Axiak sab lil Sultana mhux ħati u lliberatu minn kull akkużi.

Stephen Sultana kien assistit mill-avukati Franco Debono u Marion Camilleri.

Ekonomija

Sport