Wednesday, July 24, 2024

Jinqasam l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal April

Aqra wkoll

Rylee Borg (Weightlifting) u t-Tim Nazzjonali tal-Volleyball tan-Nisa ta’ taħt it-18-il sena huma r-rebbieħa tal-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal April 2024.

Rylee Borg, li għandu 17-il sena, kien l-aktar li spikka waqt il-Malta Open Championships organizzati mill-Malta Weightlifting Association. Borg kellu wirja eċċezzjonali ta’ saħħa u ħila fil-kategoriji Junior u anke Senior. Ir-refgħat impressjonanti tiegħu jinkludu l-109-113-116 kilo fl-iSnatch u 136-142-146 kilo fil-Clean & Jerk, li laħqu total ta’ 262 kilo u punteġġ eċċellenti ta’ 334 punt. Barra minn hekk, Borg stabbilixxa 8 rekords nazzjonali fid-diviżjonijiet Junior, U23, u anke Senior.

Min-naħa l-oħra t-Tim Nazzjonali tal-Volleyball tan-Nisa ta’ taħt it-18 il-sena rebaħ il-Kampjonat tal-Assoċċjazzjonijiet tal-Pajjiżi ż-Żgħar ta’ taħt it-tmintax-il sena. Dan il-kampjonat intlagħab fil-Padiljun Sportiv tal-Kottonera u fil-Finali ra lit-tfajliet Maltin jieħdu rebħa tajba ta’ 3-0 (24-25, 25-18, 25-20) kontra l-Iskozja.

Il-preżentazzjoni tal-unuri tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal April 2024 ġew ippreżentati lil Rylee Borg u lit- Tim Nazzjonali tal-Volleyball tan-Nisa ta’ taħt id-18-il sena minn Matthew von Brockdorff Direttur Maniġerjali u CEO ta’ Atlas Insurance flimkien ma’ Robert Micallef, Chief Commercial Officer. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti l-President Sandro Micallef u s-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba lokalment u internazzjonalment matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominazzjonijiet iridu jkunu għal atleti ta’ taħt il-21 sena.

In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email fuq [email protected]. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu f’dan il-link https://www.maltasportsjournalists.com/atlas-youth-athlete-of-the-month-rules-and-regulations/

Ekonomija

Sport