Friday, December 13, 2024

“Sinjal ċar li l-gamiem fis-selvaġġ qiegħed jiżdied” – L-FKNK

Aqra wkoll

L-istaġun tal-kaċċa għall-gamiem f’dan Settembru għalaq ilbieraħ 11 ta’ Settembru, 19 il-ġurnata qabel mistenni peress li ntlaħqet il-kwota nazzjonali ta’ qbid ta’ 500 gamiema stabilita bil-liġi.  Dan ġie kkuminikat mill-WBRU (Wild Birds Regulation Unit) lill-kaċċaturi liċenzjati permez ta’ SMS.

Fi stqarrija, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qalet li dan ma jfissirx li l-kaċċaturi ma jistawx jibqaw joħorġu għall-kaċċa matul Settembru. 

Madankollu, l-FKNK qalet li dan ifisser, li kontra dak kollu li qegħda tgħid il-Kummissjoni Ewropea (KE), il-gamiem fis-selvaġġ qiegħed jiżdied b’mod sostanzjali.  L-FKNK qalet li dan joħroġ aktar ċar mill-fatt li fl-istaġuni ta’ Settembru tal-2018, 2019 u 2020, il-qbid tal-gamiem f’Malta qatt ma qabeż it-300 gamiema.  Għaldaqstant, u apparti raġunijiet validi oħra, kien għalhekk li l-liġi stabilit il-kwota nazzjonali ta’ 500, kwota, dwar liema l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) pubblikament espremiet riżervi.

L-FKNK qalet li l-isfortuna ta’ dan kollu huwa li l-programmi ta’ riċerka dwar il-gamiem li nehdiet hija stess għall-Settembru 2021 se jieqfu ukoll.  Żiedet tgħid li fil-fatt, ir-riċerka jekk il-gamiem li jinqabad ikunx ferħ jew adult ikollu wkoll jieqaf illum, waqt li r-riċerka tal-ġwienaħ, li l-FKNK nehdiet propju ftit tal-ġranet ilhu permezz tal-App tal-mowbajl MyHunt b’kollaborazzjoni ma’ Hunter & Co., tieqaf ħesrem.

Il-FKNK reġgħet irringrazzjat lill-Ministru Clint Camilleri u lill-WBRU għall-pożizzjoni soda tagħhom kontra l-KE li riedet il-projbizzjoni totali tal-kaċċa tal-gamiem fl-Ewropa.  L-FKNK qalet li fil-fatt, bis-saħħa ta’ din il-pożizzjoni ta’ Malta, il-projbizzjoni tal-KE ġiet implimentata f’xi pajjiżi fil-flyway tal-Punent tal-gamiema, fosthom fi Spanja, fi Franza u fil-Portugal, imma mhux f’Malta.

Fl-aħħar, u b’riżultat ta’ din is-sitwazzjoni, l-FKNK qalet li se tkompli taħdem aktar b’saħħa biex terġa’ tkun permessa t-tradizzjoni soċjo-kulturali tal-kaċċa u l-insib tal-gamiem fir-rebbiegħa.  Temmet tgħid li dan huwa dritt tal-kaċċaturi u nassaba Maltin u Għawdxin li ġie stabilit mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Ewropa fl-2009 u mir-Referendu Abrogattiv u dirett fl-2015.

Ekonomija

Sport