Friday, December 13, 2024

Sinjali inkoraġġanti għat-turiżmu f’Għawdex għal Ġunju u Lulju

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

… fil-vaganzi tal-Għid it-temp ma għenx għall-vjaġġi tal-Maltin lejn Għawdex

Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) Joe Muscat stqarr li minkejja li t-temp ħażin fil-gżejjer Maltin xekkel xi ftit il-vjaġġi tal-Maltin lejn Għawdex, b’danakollu l-akkomodazzjoni fi stabbilimenti Għawdxin matul il-Ġimgħa Mqaddsa kienet waħda inkoraġġanti iżda mhux fil-livelli ta’ qabel il-pandemija.

F’kummenti li għadda lil Talk.mt, is-Sur Muscat spjega li s-sitwazzjoni f’dan iż-żmien is-soltu kienet tkun “fully booked” iżda din is-sena ma jidhirx li ġara hekk. “Minkejja dan, l-indikazzjonijiet qed juru li ninsabu fit-triq ta’ rkupru, b’bookings inkoraġġanti kemm għal Ġunju kif ukoll għal Lulju.”

“Qegħdin naraw interess fid-destinazzjoni. Iktar ma jersaq iż-żmien, imbagħad naraw kemm dawn it-talbiet għal bookings ikunu konfermati,” tenna l-Kap Eżekuttiv tal-GTA. 

Huwa żied jgħid li “ovvjament, is-sitwazzjoni jista’ jkun li tinbidel anke minħabba ċ-ċirkostanzi, li bħala pajjiż m’għandniex kontroll fuqhom, li jistgħu jinqalgħu minn żmien għal żmien minħabba l-gwerra bejn ir-Russa u l-Ukrajna.

“Ċirkostanzi mhux li n-nies forsi tibża’ tieħu l-vaganza, imma jistgħu jkunu ċirkostanzi ta’ żieda fil-prezzijiet fejn diġà qegħdin naraw stabbilimenti tagħna jkollhom iċaqilqu l-prezzijiet minħabba li l-ispejjeż fl-operat tagħhom li kulma jmur qegħdin jiżdiedu,” temm jgħid is-Sur Muscat.

Ekonomija

Sport