Saturday, December 28, 2024

Sinjali li l-2022 se tkun is-sena tal-irkupru għat-turiżmu f’Għawdex

Rapport tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem, l-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu wettqet stħarriġ fost il-membri tagħha li jiffoka fuq il-prestazzjoni tal-istabbilimenti turistiċi Għawdxin fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena u fil-perjodu tal-Għid u biex tifhem aħjar is-sitwazzjoni tar-riżorsi umani fi ħdan is-settur. 

Fost dawk li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ kien hemm is-setturi tal-akkomodazzjoni, ristoranti, ċentri tal-għadis, attrazzjonijiet turistiċi, trasport, operaturi turistiċi u aġenziji tal-ivvjaġġar. 

L-istħarriġ ikkonferma l-effett pożittiv fuq in-negozju ġġenerat mill-istabbilimenti turistiċi Għawdxin fil-perjodu bejn Jannar u April ta’ din is-sena, u wera sinjali inkoraġġanti li l-2022 se tkun tassew is-sena tal-irkupru.

Fil-fatt, 53% tal-istabbilimenti rrapportaw tkabbir fil-kummerċ tagħhom meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel, bi 33% jgħidu li baqgħu fejn kienu u 13% irrappurtaw li kellhom inqas bejgħ. Dan it-titjib kien ikkonfermat ukoll meta 57% ta’ dawk li wieġbu ddikjaraw li l-prestazzjoni tas-suq barrani fuq in-negozju tagħhom kien aħjar minn dak tal-2021. 

Meta mistoqsija dwar kif marru fil-perjodu tal-Għid, 60% tal-istabbilimenti wieġbu li marru aħjar mill-2021, b’27% jgħidu li baqgħu fl-istess livell tas-sena ta’ qabel u 13% irrapportaw li kellhom inqas bejgħ.

Sadanittant, l-operaturi turistiċi kienu mistoqsija wkoll dwar id-dħul iġġenerat matul l-ewwel erba’ xhur tas-sena, b’53% minnhom iwieġbu li dan il-perjodu kien aħjar mill-2021.

Iż-żidiet fl-ispejjeż operattivi u n-nuqqas ta’ staff huma fost l-akbar tħassib għal dawn l-istabbilimenti. Apparti hekk, 61% ta’ dawk li wieġbu fl-istħarriġ, iddikjaraw li 70% jew aktar tal-istaff tagħhom huwa magħmul minn ħaddiema barranin.

Fl-aħħar nett, minn dan l-istħarriġ irriżulta wkoll li 43% tal-istabbilimenti qed jistennew negozju aħjar matul din is-sena, b’23% oħra jemmnu li din se tkun sena promittenti ħafna għalkemm mhux fl-istess livelli ta’ qabel il-pandemija.

Ekonomija

Sport