Sunday, December 22, 2024

Sinjali pożittivi fit-taħditiet ta’ paċi bejn ir-Russja u l-Ukrajna

Aqra wkoll

Sensiela ġdida ta’ taħditiet ta’ paċi fit-Turkija wasslet għal sinjali pożittivi hekk kif l-invażjoni Russa tal-Ukrajna daħlet fl-34 jum tagħha.

Fid-dawl ta’ dawn it-taħditiet, il-BBC xandar li r-Russja qalet li se “tnaqqas drastikament” l-operazzjonijiet militari tagħha f’żewġ żoni ewlenin tal-Ukrajna  u dan sabiex tissaħħaħ il-fiduċja “reċiproka” fit-taħditiet, li qed isiru f’Istanbul.

Iżda filwaqt li d-deċiżjoni li jitnaqqsu l-operazzjonijiet madwar il-kapitali Ukrena, Kyiv u l-belt tat-Tramuntana ta’ Chernihiv kienet l-ewwel sinjal ta’ progress tanġibbli, madankollu ħafna mistoqsijiet għadhom mingħajr tweġiba fosthom li għad mhux ċar kemm jista’ jkun estensiv kwalunkwe tnaqqis fl-attività militari Russa. 

L-Istati Uniti wkoll esprimiet xettiċiżmu waqt li nnotat kif ir-Russja diġà ffokat mill-ġdid il-kampanja militari tagħha fuq il-Lvant tal-Ukrajna.

Il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky kien aktar dirett u qal li s-sinjali pożittivi mit-taħditiet “ma waqqfux l-isplużjonijiet jew il-bumbardamenti Russi.

Fit-taħditiet deher ukoll il-biljunarju Russu Roman Abramovich – sigħat wara li ħarġu rapporti li kienu jgħidu li kien sofra sintomi ta’ avvelenament suspettati waqt taħditiet ta’ paċi aktar kmieni dan ix-xahar.

Il-bogħod mit-taħditiet, l-Ukrajna sostniet li l-attakki Russi fuq skala sħiħa komplew.

Uffiċjali qalu li fil-belt port tan-Nofsinhar ta’ Mykolaiv mill-inqas tnax-il persuna nqatlu u aktar minn 20 indarbu f’attakk Russu fuq bini tal-gvern.

L-attakk qered l-uffiċċju tal-gvernatur reġjonali, Vitaliy Kim, li dak il-ħin ma kienx hemm. 

Għal diversi ġimgħat, il-forzi Ukrajni waqqfu l-avvanz tar-Russja lejn il-punent tul il-kosta tal-Baħar l-Iswed.

Intant, is-sindku tal-belt ta’ Chernihiv, Vladyslav Atroshenko qal lill-BBC li nhar it-Tlieta, “sar attakk inuman bl-artillerija f’diversi żoni residenzjali tal-belt, fejn madwar 35 persuna ddaħħlu l-isptar, nies tilfu saqajhom u nqatlu xi nies”.

Fis-sigħat bikrin tal-Erbgħa ndaqqu sireni tar-raid bl-ajru fi Kiev, sigħat wara li r-Russja qalet li se tirtira xi truppi minn madwar il-kapitali.

Ekonomija

Sport