Thursday, April 18, 2024

SINJALI TA’ OTTIMIŻMU

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Mill-qasam tat-turiżmu bdew ħerġin… jekk fhimthom tajjeb… sinjali ta’ ottimiżmu kawt, fl-Ewropa inkluża Malta. Dan hu inkuraġġanti ħafna għax kważi mingħajr ma ntbaħna, it-turiżmu sar pilastru ewlieni tal-ekonomiji ma’ kullimkien.

Jirrifletti t-titjib fl-istendards tal-għajxien f’bosta pajjiżi żviluppati li qed jagħti lin-nies aktar ħin ħieles waqt li jsibu fil-but biżżejjed flus biex iqattgħu dal-ħin b’mod pjaċevoli. Il-mod kif il-mezzi ta’ kumnikazzjoni immodernizzaw għen biex jżidu l-kurżità dwar x’jinsab għaddej f’pajjiżi oħra u b’mod ġenerali, s-safar sar aktar irħis.

Barra minn gwerra, m’hemm xejn aktar qerriedi tat-turiżmu minn pandemija. Din hi l-ewwel esperjenza li fiha t-turiżmu mondjali qed ikollu jirkupra minn waħda li attakkatu fuq il-fronti kollha. Ma kellna l-ebda garanzija li l-irkupru seta’ jsir malajr u b’suċċess.

Għalhekk hu inkoraġġanti l-ottimiżmu kawt li qed jinħass.

IL-PARLAMENT MALTI 

Ilu stabbilit mitt sena u kollox ma’ kollox, il-Parlament Malti ta servizz tajjeb lin-nazzjon. Ma setax jonqos, li nbidel sew l-istil ta’ kif jitmexxa u ta’ kif issir il-ħidma ġo fih. Mill-Indipendenza lil hawn, il-varjetà u l-piż tad-deċiżjonijiet li kellhom jittieħdu fih kibru. Sadattant, minkejja l-bidliet kollha, l-istil ta’ ħidma baqa’ determinat mill-kompetizzjoni bejn żewġ partiti li tikkaratterizza x-xenarju politiku tal-pajjiż.

Dan wassal biex ħafna mid-deċiżjonijiet li l-Parlament jieħu huma prevedibbli. Kun af xi jrid il-gvern tal-ġurnata u tista’ tbassar x’se jiddeċiedi l-Parlament. Hu meta għal raġuni jew oħra, dir-“regola” tinkiser li l-Parlament jagħti xhieda taċ-ċentralità tiegħu fl-istituzzjonijiet nazzjonali tagħna.

Qed jagħmel tajjeb l-iSpeaker Dr Anġlu Farrugia li jfittex li jgħolli l-profil tal-Parlament. B’xorti ħażina, minkejja li seduti tiegħu jiġu mxandra, niddubita kemm fost il-poplu għadu jiġi segwit daqs fl-imgħoddi. Anke l-ġurnali… jew x’baqa’ minnhom… jinjoraw kważi għal kollox xi jkun għaddej fil-Parlament. Dnub.

DIPENDENZA FUQ L-INTERNET

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar oqsma tal-ħajja tal-bniedem qed jintrabtu mal-użu tal-internet. Mhux f’sens personali biss, imma anke fl-oqsma ġenerali ta’ kif titmexxa s-soċjetà… mill-provista tal-enerġija u tal-ikel, sat-tħaddim ta’ kull mezz ta’ trasport u t-tmexxija tal-fabriki.

Il-periklu diġà qiegħed hemm bil-kbir u għad ikompli jikber: jekk jiġi paralizzat l-internet, parti sostanzjali mill-ħajja kif sirna nafuha tista’ tieqaf zobtu. Wieħed ipoġġiha b’dal-mod għall-prudenza. 

Jista’ jkun aċċident li jwassal għal dan u jista’ jkun att ta’ sabutaġġ. Fiż-żewġ każi, il-prekawzjonijiet li jridu jittieħdu huma kruċjali, kemm biex jevitaw l-iskoss ta’ waqfien li jkollu konsegwenzi dinjin; u kemm biex jekk iseħħ xi diżastru, ikollna bil-lest makkinarju biex isewwih u jirrestawrah fl-anqas żmien possibbli.

Ekonomija

Sport