Wednesday, April 24, 2024

SINTOMU FINANZJARJU

Lorna Vassallo

Aqra wkoll

Aktar qabel ktibt dwar kif it-tmiem tal-PN kif nafuh illum jista’ jkun li verament wasal u tajt ir-raġunjiet tiegħi għal dan. Iżda l-istess tmiem ta’ dan il-partit jidher ukoll f’ideat oħra li qed jinbtu u jaqbdu l-art iktar kemm jgħaddi ż-żmien.

U sintomu ieħor li donnu qed jispiċċa jidwi f’ħalq ċerti politiċi huwa d-dibattitu tal-iffinanzjar tal-partiti. Fl-UE huma ftit il-pajjiżi li ma jagħtu ebda sussidji lill-partiti tagħhom. L-Italja hija l-uniku pajjiż li ma jissussidja bl-ebda mod ’il-partiti tiegħu.  Imma Malta tissussidjahom biss b’Eur100,000 kull sena (1% tad-dħul tagħhom).  Apparti dan, il-partiti Maltin jiddependu totalment min sorsi oħra sabiex ikomplu t-triq politika tagħhom.

Meta wieħed jitkellem dwar elezzjonijiet fl-Unjoni, wieħed diffiċli jaqta’ linja billi apparti d-diversità ta’ sistemi elettorali li jeżistu, hemm ukoll kulturi ta’ koalizzjonijiet differenti kif ukoll tradizzjonijiet politiċi differenti.  

  • Studju Parlament Ewropew

Fejn għandu x’jaqsam l-iffinanzjar tal-partiti wkoll m’hemm ebda konsistenza bejn stat u ieħor.  Dan ħareġ ċar fi studju li għamel il-Parlament Ewropew fuq talba tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi u li kien jismu ‘L-Iffinanzjar ta’ strutturi politiċi fl-Istati Membri tal-UE: Kif jiġu sostnuti finanzjarjament il-partiti politiċi nazzjonali, il-fondazzjonijiet tagħhom u gruppi politiċi parlamentari, u kif isir il-kontroll fuq tali fondi’ (‘Financing of political structures in EU Member States: How funding is provided to national political parties, their foundations and parliamentary political groups, and how the use of funds is controlled).  Ir-riżultati ta’ dan l-istudju ġew ippubblikati f’Ġunju tal-2021.  Dan wera ċar kif ħafna pajjiżi jiffinanzjaw lill-partiti tagħhom mit-taxxi tal-poplu b’mod massiċċ.  Ħafna pajjiżi jgħinu lill-partiti tagħhom finanzjarjament kemm f’attivitajiet ordinarji kif ukoll f’dawk elettorali tagħhom.  Fost dawn, l-Awstrija (70%), il-Belġju (80%), il-Bulgarija (80%), Ċipru (86% tal-attivitajiet ordinarji), ir-Repubblika Ċeka (58%), l-Estonja (79% tan-nefqa tal-attivitajiet ordinarji, 56% tan-nefqa fuq attivitajiet ordinarji u elettorali), Franza (60% tan-nefqa ta’ kuljum, 60% tal-fondi elettorali), l-Irlanda (84% mingħajr ma jinkludi fergħat ta’ partiti u organizzazzjonijiet oħra), il-Polonja (75% tal-attivitajiet ordinarji u 40% tal-attivitajiet elettorali) u Spanja (80% tal-attivitajiet ordinarji u 21% tal-attivitajiet elettorali).

Iżda fejn għandna x’naqsmu aħna, żgur li l-elezzjonijiet tagħna huma pjuttost ikkaratterizzati minn persentaġġi astronomiċi ta’ votanti li jivvutaw kif ukoll minn attiviżmu qawwi li jekk trid tħares ’l isfel lejh issejjaħlu fanatiċiżmu, partiġġjaniżmu jew parrokkjaliżmu.  Personalment ma nħarisx b’mod negattiv lejn dan l-attiviżmu għaliex huwa proprju dan l-attiviżmu li nemmen li jagħmilna aktar demokratiċi u mhux inqas.

Tikteb Lorna Vassallo

B’differenza minn diversi pajjiżi oħra wkoll, u speċjalment mill-Italja, ix-xenarju politiku Malti huwa wkoll iddominat minn żewġ partiti kbar li huma (jekk mhux għal-leġislatura li għaddiet) l-uniċi rappreżentati fil-Parlament.  Pajjiżi oħra, normalment jikkonsistu f’ħafna aktar partiti fil-Parlament.

Iżda ħadd ma jista’ jiċħad li l-partiti l-kbar fil-Parlament Malti, mhux talli għandhom l-appoġġ kontinwu u ferventi tal-votanti tagħhom f’jum l-elezzjoni imma talli l-partitarji tagħhom saħansitra juru l-appoġġ tagħhom matul il-ħames snin kollha tal-leġislatura jew permezz tal-għotjiet finanzjarji tagħhom jew permezz tax-xogħol volontarju tagħhom favur il-partit jew it-tnejn. 

  • GRECO, OSCE, trasparenza u demokrazija

Huwa minnu li pajjiżi ikbar minna Ewropej u istituzzjonijiet oħra Ewropej jagħmlu r-riga ta’ x’jista’ jkun demokratiku jew le.  Imma wara kollox, il-klima politika Maltija huma esperti tagħha l-Maltin u l-Maltin biss. Meta l-GRECO u l-OSCE jitkellmu dwar finanzjar tal-partiti jkunu qed jagħmlu dan f’isem it-trasparenza u d-demokrazija sabiex jassikuraw li s-sussidji mill-istat ikunu biżżejjed kbar li ma jagħtux lok għal donaturi privati lill-istess partiti. Iżda għalkemm fil-kuntest lokali l-għajta ta’ kumpaniji li jissussidjaw il-partit m’hijiex nieqsa, min-naħa l-oħra lkoll nafu li l-partiti jiġbru wkoll mingħand iż-żgħir. U għalkemm l-għotjiet finanzjarji u x-xogħol volontarju ftit li xejn għandhom x’jaqsmu ma’ voti, huma wkoll riflessjoni tal-appoġġ konkret tal-votant Malti lill-partit tiegħu.

Iżda għall-ewwel darba fl-istorja donnha li l-għajta tal-iffinanzjar tal-partiti mill-istat saret iktar tidwi.  Mhix kumbinazzjoni li l-PL ħareġ jikkritika t-talba għall-iffinanzjar ikbar tal-partiti mill-PN.  Wara kollox l-għajta tal-iffinanzjar ikkoinċidiet wisq mad-dikjarazzjoni ta’ Eur32 miljun dejn (apparti Eur8 miljun f’ċedoli) mill-istess kap tal-PN.  Daqstant ieħor ikkoinċidiet wisq mal-inqas persentaġġ ta’ appoġġ elettorali qatt kien miksub mill-PN. 

Għalhekk lokalment għajta għal iffinanzjar tal-partiti mill-istati ftit li xejn tista’ titqies bħala għajta għal iktar trasparenza u demokrazija għaliex minnha nnifisha din mhix ħlief ammissjoni ta’ nuqqas ta’ demokrazija u telf ta’ appoġġ politiku.

  • Taxxa oħra

Li huwa żgur hu li l-iffinanzjar tal-partiti politiċi ser jintroduċi taxxa oħra indiretta fil-pajjiż jekk u meta jidħol.  Dan ifisser li kull votant ikollu jiffinanzja ’l partiti politiċi: mhux dawk biss li jappoġġja iżda wkoll dawk li m’għandux simpatija lejhom.  Ovvjament, ħafna drabi din it-taxxa se tkun parti minn basket ikbar ta’ taxxi li ċ-ċittadin qajla jkun jaf għal xiex qed iħallashom.  Iżda li huwa żgur hu, li se jkun hemm persentaġġ żgħir tat-taxxa tagħna li jmur għall-iffinanzjar tal-politika.

Barra minn hekk, f’każ li tali finanzjar jiġi introdott, allura, il-minimu ta’ kemm wieħed jagħti lill-partiti (mhux partit) jiġi determinat mill-gvern u l-parlament mhux mir-rieda ħielsa taċ-ċittadin. 

  • Votazzjoni obbligatorja u bil-multi

Il-votazzjoni obbligatorja jew dik li l-votanti jiġu mmultati jekk ma jivvutawx fl-Ewropa mhix popolari. Il-votazzjoni obbligatorja hija biss rinfurzata fil-Belġju u fil-Lussemburgu fil-prattika, mentri l-Greċja, għalkemm teżisti mhix rinfurzata.  Din ukoll, wara kollox hija forma ta’ taxxa fuq iċ-ċittadin li żżid il-piż finanzjarju fuq il-votant, iżda li tiffoka fuq dak li ma jwettaqx dmiru iktar milli tifrex l-obbligu fuq kulħadd.

  • Vantaġġ finanzjarju

Li f’Unjoni kapitalista u b’maġġoranza ta’ gvernijiet tal-lemin għal snin twal, l-iffinanzjar tal-partiti versus il-votazzjonijiet obbligatorji huma iktar popolari nifhimha.  Huwa ħafna iktar diffiċli tidher ikrah tiġbor il-ftit mingħand il-ħafna milli mingħand il-ftit.  Wara kollox is-sitwazzjoni hija vantaġġjuża għall-istat li leġittimament, f’isem it-trasparenza u d-demokrazija, jitlob il-flus mingħand l-elettorat kollu.  Mhux kulħadd jara l-affarijiet bħali, imma ma jfissirx li m’għandix raġun.

  • Iffinanzjar tal-partiti jwassal għal iktar nies jivvutaw?

Din tista’ tkun mistoqsija f’waqtha li żgur ma tistax tiġi mwieġba hawnhekk.  Pero’, b’mod simplistiku ħafna ma jidhirx li l-iffinanzjar tal-partiti jirriżulta f’’turn-out’ akbar jew inqas.  Żgur li suġġett bħal dan jimmerita artiklu sħiħ.  Fil-Ġermanja, pereżempju, l-istat jiffinanzja 30% tad-dħul tal-partiti.  Fl-aħħar elezzjoni tal-2021, ħarġu jivvutaw 76.6% tal-votanti.  Fil-Latvja, l-istat jiffinanzja 94% tal-fondi tal-partiti u fl-2018 ħareġ jivvota biss 54.58% tal-elettorat.

  • L-ikbar riskju

L-ikbar riskju li nara jien f’dan kollu, però, mhux dak li ntqal s’issa. L-ikbar riskju huwa li b’sistemi ta’ ffinanzjar tal-partiti qed tinqata’ darba għal dejjem ir-rabta  tal-votanti minn mal-politiċi tagħhom.  Dik ix-xi ħaġa li f’Malta nħossuha ħafna: il-qrubija bejn politiku u partitarju/votant.  B’iffinanzjar garantit il-politiku ma jiġix bżonn il-votant u l-votant se jkollu jiffinanzja lill-politiku anke jekk huwa rrabjat għalih, jekk ma jappoġġjahx jew ma jemminx fih jew jekk ma jivvutax.  Il-politiku ma jibqax dipendenti fuq il-votant għax b’xi mod jew ieħor, postu/ha jew post il-partit tiegħ/tagħha huwa xorta garantit fil-parlament.  U din il-firda bejn politika u votant ma twassalx għal aktar demokrazija.  Anzi tfarrak il-bażi tad-demokrazija. 

  • Pass li ma jistax jiġi evitat?

Iżda minkejja l-argumenti kollha, jekk ix-xejra politika f’Malta tibqa’ sejra kif inhi, jista’ jkun ukoll illi l-iffinanzjar tal-partiti ma jistax jiġi evitat. Bi gvern dejjem jissodda persentaġġi dominanti fil-parlament u oppożizzjoni b’appoġġ dejjem jonqos u tifrik intern, u b’sitwazzjoni finanzjarja irriversibbli,  jista’ jkun li l-iffinanzjar tal-partiti politiċi se jkollu jiġi introdott bħala l-aħħar tama ta’ turija ta’ demokrazija – bħala l-uniku fenomenu li jista’ jraqqa’ d-defiċit politiku u demokratiku li se jinħoloq fi ftit żmien. Bħala l-unika soluzzjoni li tista’ tevita dittatorjat elett b’mod demokratiku f’nofs l-Unjoni u li jista’ jevita frakass totali tas-sistema elettorali.  Meta l-mekkaniżmi korrettorji mhumiex biżżejjed, allura jkollhom jagħmlu tajjeb flusi u flusek.  Jista’ jkun li l-iffinanzjar tal-partiti fil-futur qrib f’Malta ma jistax jiġi evitat?   Jista’ jkun li l-għajta għall-iffinanzjar tal-partiti hija sintomu finanzjarju ta’ mewt politiku mhux biss tal-uniku partit fl-oppożizzjoni f’Malta imma wkoll għad-demokrazija ġenwina f’Malta?

Sport