Monday, May 20, 2024

Sir Jim Ratcliffe jibda juri l-ponn tal-ħadid mal-istaff ta’ Manchester United?

Aqra wkoll

L-atmosfera tal-ground tat-taħriġ ta’ Manchester United saret ‘tossika’ wara kritika ħarxa minn Sir Jim Ratcliffe.

Il-ko-proprjetarju, Ratcliffe, reċentement bagħat memo­randum lill-istaff kollu fejn ikkwota d-diżappunt tiegħu wara li għamel vista lill-faċilitajiet.

Ratcliffe, li għandu 71 sena, qal: “Ninsab diżappuntat immens li f’ħafna postijiet u dipartimenti fi ħdan il-club il-grad ta’ diżordni huwa għoli ħafna.  

“B’mod partikolari d-dipartiment tal-IT li frankament huma tal-mistħija u d-dressing rooms tal-U/18 u tal-U/21 kienu ferm agħar.”

Huwa saħaq li dawn il-livelli ‘ma jersqux’ għal dak li kellu fil-kumpanija kimika tiegħu INEOS – iżda l-email li bagħat xejn ma niżlet tajjeb.

Id-dipartiment tal-IT li rrefera għalih huwa mmexxi minn żgħażagħ fin-naħa t’isfel tal-grad tal-paga tal-club li jintalbu jagħmlu xogħol relattivament żgħir.

Sors qrib tagħhom qal li huma jħossuhom li saru l-ħaruf tas-sagrifiċċju għall-problemi kbar li qed jiffaċċja minħabba li hemm ferm akbar problemi fil-piramida tal-club. 

Is-sors qal li l-kritika ħolqot sensazzjoni tossika ġewwa Carrington.

Jidher ukoll li hemm sensazzjoni simili fil-bini tal-akkademja fejn l-istaff ta’ sikwit jiġi mfaħħar tax-xogħol siewi  li jiżviluppa talenti żgħażagħ biex isiru stilel tal-futur fl-ewwel team.

Ethan Wheatley reċentement sar il-250 gradwat tal-akkademja li jirrappreżenta lill-United fl-ogħa livell.

Barra minn hekk xi ħaddiema li kienu kapaċi jaħdmu mid-dar ġew mgħarrfa li jridu jibdew jaħdmu fl-uffiċini tal-club, f’Manchester jew f’Londra, minkejja li m’hemmx biżżejjed spazju għal kulħadd.

Ratcliffe isostni li t-traffiku tal-email naqas b’20% f’waħda mill-kumpaniji l-oħra tiegħu meta sar esperiment fuq dawk li jaħdmu mid-dar. 

U waqt laqgħa tal-persunal il-ġimgħa li għaddiet, l-impjegati ġew notifikati mingħajr tlaqliq li: “Jekk ma jogħġbokx taħdem fl-uffiċini,  fittex impjieg alternattiv.”

Dan l-approċċ kollu ma niżel xejn tajjeb u ħafna mill-1,000 impjegat bejn wieħed u ieħor huma mħassba dwar l-impjiegi tagħhom.

Għall-bidu, il-club kien saħaq li l-wasla ta’ Ratcliffe, bħala s-sid il-ġdid u  azzjonista b’sehem ta’ 27.7%, kienet sinjal pożittiv biex il-club jimxi ‘l quddiem … iżda issa ħafna mill-istaff ‘tilef’ kull motivazzjoni. 

Fost ħafna kummenti negattivi dwar il-club, Ratcliffe ddeskriva l-mużew tal-club bħala ‘medjokri’, għas-sorpriża u l-perplessitá ta’ dawk li waqqfuh u jieħdu ħsiebu.

Fl-aħħarnett huwa ta ordni biex ma jinħarġux biljetti b’xejn lill-istaff għall-finali tal-FA Cup kontra Manchester City, li se tintlagħab fil-25 ta’ dan ix-xahar, biex jiġu ffrankati l-flus. 

Is-soltu l-istaff ikollu l-vjaġġ lejn Londra u l-ikel b’xejn.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport