Il-Prim Ministru tas-Sri Lanka qal li fis-sitt xhur li ġejjin il-pajjiż għandu bżonn xejn inqas minn $5 biljun biex jiżgura li jkun hemm għejxien diċenti għaċ-ċittadini. Apparti hekk, il-pajjiż qiegħed ukoll jinnegozja ftehim maċ-Ċina ta’ $1.5 biljun biex il-pajjiż ikun jista’ jimporta l-iktar affarijiet essenzjali.
Fil-preżent dan in-nazzjon qiegħed jesperjenza l-agħar kriżi ekonomika tiegħu f’dawn l-aħħar 70 sena. Din il-kriżi wasslet għal nuqqas ta’ skambju barrani u b’hekk il-pajjiż m’għandux flus biex jimporta affarijiet essenzjali bħal fjuwil, mediċina u fertilizant. Dan kollu wassal għal devalwazzjoni, protesti fit-toroq u anke bidla fil-gvern.
Il-Prim Ministru Ranil Wickremesinghe quddiem il-parlament qal li biex tiddawwar ir-rotta din is-sena Sir Lanka trid $3.3 biljun f’importazzjoni ta’ fjuwil, $900 miljun f’ikel, $250 miljun f’ġass li jintuża fil-kċina u $600 miljun f’fertilizzant.