Fis-sigħat li għaddew, kien hemm żviluppi mill-aktar importanti fil-każ dwar is-serqa ta’ droga minn kontejner fil-Barracks tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Ħal Safi. Dan hekk kif ġew arrestati tmien persuni filwaqt li sa issa nstabu madwar 85 kilo reżina tal-kannabis li allegatament kienu jifformaw parti mid-droga misruqa l-Ħadd filgħodu.
Dawn id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, li kien akkumpanjat mill-Assistenti Kummissarji Keith Arnaud u Malcolm Bondin.
Il-Kummissarju Gafà beda biex spjega kif il-Ħadd li għadda, għall-ħabta tal-3.40 a.m., il-Pulizija kienet ġiet informata li kien ġie sgassat kontejner li kien jinsab fi proprjetà tal-Forzi Armati f’Ħal Safi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija stabbilixxew li madwar 226 kilo reżina tal-kannabis kienet nieqsa minn kontejner proprjetà tal-Qorti bħala parti minn inkjesta maġisterjali u li kien qed jiġi miżmum mill-Forzi Armati ta’ Malta u li dan il-kontejner kellu s-siġilli maqtugħin u kien jidher żgassat.
Bil-każ kien ġie infurmat il-Maġistrat Dr Antoine Agius Bonnici li ħatar numru ta’ esperti biex jassistu fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija.
Din id-droga kienet tifforma parti minn sejba ta’ aktar minn erba’ tunnellati reżina tal-kannabis li kienet instabet nhar is-17 ta’ Ġunju 2024 ġewwa l-Port Ħieles.
Wara sigħat ta’ investigazzjonijiet intensivi, kmieni dalgħodu skattat operazzjoni mill-pulizija liema operazzjoni għadha għaddejja. Proprju fis-1.00 a.m. il-pulizija wettqet l-ewwel arresti tagħha fejn minn appartamenti f’Ħaż-Żebbuġ arrestat erba’ persuni inkluż ġuvni ta’ 30 sena li allegatament kien involut fis-serqa tal-Ħadd li għadda.
Sussegwentement fi tfittxija li saret f’garaxx fil-viċinanzi tal-istess appartament ġew misjuba madwar 36 kilo allegatament reżina tal-kannabis li kienet tifforma parti mid-droga misruqa l-Ħadd filgħodu. Din is-sustanza nstabet f’bagoll ta’ vettura tal-għamla Mercedes li kienet tinstab fl-imsemmi garaxx u li eventwalment ġiet maqbuda mill-pulizija.
Aktar tard, għall-ħabta tat-7.45 a.m., minn residenza fil-Marsa il-pulizija arrestat ġuvni ta’ 23 sena filwaqt li minn garaxx f’Ħaż-Żabbar li allegatament kien fil-pussess tal-istess persuna, il-pulizija elevat madwar 34 kilo allegatament reżina tal-kannabis jiffurmaw parti mid-droga misruqa l-Ħadd filgħodu.
Għall-ħabta tal-9.40 a.m., minn Ħal Qormi, il-Pulizija arrestat ġuvni ieħor ta’ 34 sena residenti l-Ħamrun wara tfittxijiet li għamlet f’għalqa f’San Ġwann, il-Pulizija elevat 10 kilo allegatament reżina tal-kannabis ukoll formanti parti mid-droga misruqa l-Ħadd filgħodu.
Għall-ħabta tas-12.45 a.m, il-pulizija ċċirkondat żewġ vetturi waħda f’Ħal Qormi u l-oħra f’Tal-Pietà minn fejn arrestat żewġ ġuvinturi oħra ta’ 25 u 23 sena rispettivament.
Saru tfittxijiet ulterjuri f’residenza f’Tal-Pietà fejn ġew elevati 5 kilo allegatament reżina tal-kannabis ukoll formanti parti mid-droga misruqa l-Ħadd flimkien ma’ sustanza oħra allegatament kannabis grass u kokaina li m’għandhomx x’jaqsmu mas-serqa tal-Ħadd.
Il-Kummissarju Gafà tenna li filwaqt li mhux eskluż li jsiru aktar arresti b’rabta ma’ dan il-każ, il-Pulizija għadha għaddejja bit-tfittixjiet għall-kumplament tad-droga misruqa.
Meta kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Kummissarju kkonferma li l-persuna kollha arrestati huma Maltin.
S’issa arrestati 8 persuni u nstabu 85kg ta’ droga
