Saturday, December 21, 2024

“S’issa diġà qed jintilfu €3 minn kull xkora patata li tiġi esportata”

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

Minħabba l-pandemija tal-Coronavirus, li laqtet lid-dinja kollha, qed ikun hemm bosta setturi li jintlaqtu b’mod negattiv. 

Settur lokali li ġie affettwat ħażin hu dak tal-esportazzjoni tal-patata. Fil-fatt, jidher li l-importaturi Olandiżi, li jieħdu l-parti l-kbira tal-patata minn Malta, qed jikkonsidraw li ma jaċċettawx iżjed il-prodott tal-bdiewa tagħna minħabba nuqqas fid-domanda u anke għax mhux ikollhom ħaddiema biżżejjed biex jippakkjaw il-patata ħalli tkun tista’ tinbigħ fis-suq.  

Dwar dan inewsmalta tkellmet mal-kap tal-grupp Għaqda Bdiewa Attivi, Malcolm Borg li spjegalna li l-affarijiet bħalissa huma fluwidi u qed jinbidlu minn ġurnata għal oħra. Saħaq li wisq probabbli l-esportazzjoni tal-patata se tibqa’ għaddejja għalkemm stqarr li se jkun hemm impatt sostanzjali fuq il-prezz. 

F’dan ir-rigward spjegalna li l-prezz jaf jonqos għax tonqos id-domanda jew inkella għax ikun proprju minn dawn il-problemi ta’ nuqqas ta’ ħaddiema li jkunu jistgħu jippakkjaw il-patata. 

Barra minn hekk, Borg semma wkoll problemi ta’ loġistika biex il-patata tiġi esportata u tasal fid-destinazzjoni. Qal li dawn il-problemi se jisfrattaw il-mod kif kien isir in-negozju. 

Ta’ min wieħed jgħid li dan is-suq kien jiġġenera qligħ ta’ madwar €2 miljun fis-sena u dan kien suq garantit għall-bdiewa, għax kienu jafu li se jinbigħ żgur.  

Ta’ min wieħed jgħid li dan is-suq kien jiġġenera qligħ ta’ madwar €2 miljun fis-sena

Borg qal li dan mhux b’kumbinazzjoni, iżda għax il-kundizzjonijiet tal-biedja Maltija huma tajbin u għandhom reputazzjoni tajba ħafna. Qal li minħabba f’hekk hemm bosta bdiewa li jispeċjalizzaw fit-tkabbir tal-patata u għalhekk investew ħafna flus f’makkinarju u sabu swieq huma stess lejn fejn jesportaw. 

Għaldaqstant, hu saħaq li dan il-virus se jħalli impatt dirett fuq dawn il-bdiewa u qed jaraw kif se tiżviluppa s-sitwazzjoni, iktar u iktar peress li l-patata tibda tinqala’ minn nofs April sal-bidu ta’ Ġunju. 

Borg qal li dwar x’se jiġri hemm stennija kbira, fejn anke l-Ministru tal-Agrikoltura qed jevalwa s-sitwazzjoni. 

Intant, il-kelliem qal li diġà bdiet tintbagħat xi patata, iżda l-prezz kellu jonqos. Fil-fatt, stqarr li tkellem ma’ esportatur ewlieni li qallu li filwaqt li s-sena l-oħra kienet tinbiegħ għal €12 kull xkora, bħalissa qiegħda tmur b’€9 kull xkora. Dan ifisser telf ta’ €3 fuq kull xkora. 

Esportatur ewlieni qallu li filwaqt li s-sena l-oħra kienet tinbiegħ għal €12 kull xkora, bħalissa qiegħda tmur b’€9 kull xkora. Dan ifisser telf ta’ €3 fuq kull xkora.

Min-naħa l-oħra, Malcolm Borg qal li kemm-il darba l-patata ma tinbigħx għall-esportazzjoni, din ikollha tidħol fis-suq lokali, għalkemm ammetta li jkunu wisq kbar dawn l-ammonti ta’ patata. Għalhekk, qal li wisq probabbli l-bidwi jkollu joqgħod għall-prezz li jingħata għax minkejja li jagħmlu t-telf, fl-istess waqt ikun aħjar milli ma jaqilgħu xejn. Qal li jittamaw ukoll li l-bdiewa jingħataw xi forma ta’ kumpens bħalma qed jiġri wkoll barra minn Malta. 

Ekonomija

Sport