Saturday, May 4, 2024

Ir-Renju Unit minn għada b’testijiet ta’ vaċċin fuq il-bniedem

Aqra wkoll

Ir-Renju Unit se jkun qed iniedi testijiet kliniċi tal-vaċċin kontra l-coronavirus fuq grupp ta’ nies minn għada. Dan kien ikkonfermat mis-Segretarju Brittaniku għas-Saħħa, Matt Hancock.

Il-vaċċin kontra l-Covid-19 qed jiġi żviluppat minn xjentisti fi ħdan l-Università ta’ Oxford, li min-naħa tagħhom qalu li dan il-vaċċin għandu 80% ċans li jirnexxi.

It-tim tal-Istitut Jenner ta’ Oxford se jkun qed jibda l-produzzjoni tal-vaċċin qabel ma t-testijiet ikunu tkomplew u jrid li mal-miljun doża tal-vaċċin tkun lesta sa Settembru li ġej.

Hancock żied jgħid li l-iżvilupp ta’ vaċċin hija “xjenza inċerta” madankollu kemm it-tim ta’ Oxford, u kif ukoll tim xjentifiku ieħor tal-Imperial College ta’ Londra li wkoll qed jiżviluppa vaċċin, qed jagħmlu progress mgħaġġel u se jkunu qed jiġu appoġġjati mill-Gvern Brittaniku.

Żied jgħid li fl-istess waqt il-Gvern Brittaniku se jkun qed jinvesti f’dik li hija l-kapaċità tal-pajjiż biex timmanifattura dan il-vaċċin, biex ladarba wieħed mill-vaċċini jkun meqjus bħala sigur allura dan isir disponibbli għall-poplu Brittaniku fl-iqsar żmien possibbli.

Madankollu huwa qal li “xejn f’dan il-proċess mhuwa ċert”.

Il-vaċċin ta’ Oxford, imsejjaħ ChAdOx1 nCoV-19, huwa magħmul minn virus li jinsab fiċ-chimpanzees li ma jagħmilx ħsara lill-bniedem, u li ġie modifikat ġenetikament biex jinkludi parti mill-coronavirus.

It-teknika użata minn Oxford diġà wriet li tiġġenera rispons immunitarju b’saħħtu kontra mard ieħor.

Attwalment aktar minn 70 vaċċin qed jiġu żviluppati madwar id-dinja madankollu huma ftit dawk il-pajjiżi – l-Istati Uniti, iċ-Ċina u issa r-Renju Unit – li se jkunu qed jagħmlu testijiet ta’ vaċċin fuq il-bniedem.

Sport