Sunday, December 22, 2024

“S’issa l-Unjoni Ewropea mhix fi gwerra diretta mar-Russja”

Clint Flores dwar il-gwerra fl-Ukrajna

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-gwerer dejjem jikkawżaw qerda, instabbiltà u biżgħa. Id-dinja diġà sofriet żewġ gwerer dinjin u l-umanità ma tistax tirriskja li tidħol f’konflitt mondjali ieħor. Dan kemm għall-fatt li fl-era ċivilizzata li ngħixu fiha llum il-ġurnata wieħed qatt m’għandu jippermettiha, kif ukoll għall-fatt li l-bniedem m’għandux jipperikola li tfaqqa’ t-Tielet Gwerra Dinjija. Dan minħabba l-potenzi distruttivi li għandna f’idejna ta’ armi nukleari li allaħares qatt, jekk jisħnu l-irjus u jingħafsu l-buttuni, neqirdu lilna nfusna u l-pjaneta tagħna.

Il-ġlieda bejn il-mexxejja opposti Putin u Zelensky qiegħda taffettwa mhux lill-pajjiżi u liċ-ċittadini tagħhom biss, iżda lill-bqija tad-dinja, inkluż lil pajjiżna. Preżentament il-gwerra fl-Ukrajna qiegħda taffettwana f’żieda fil-prezzijiet li għalkemm mhuwiex ideali, m’huwiex ta’ theddida għas-sigurtà tagħna. Iżda, minħabba li l-Unjoni Ewropea qiegħda tgħin lill-Ukrajna u r-Russi kklassifikaw lil pajjiżna bħala wieħed “mhux ħabib tagħhom”, ħafna persuni lokalment qegħdin jibżgħu li b’xi mod Malta tista’ tkun f’periklu akbar minn dak finanzjarju. Persuni li qegħdin bħalissa jsegwu dak li huwa għaddej bejn l-Ukrajna u r-Russja, fil-fatt qegħdin jistaqsu jekk l-Ewropa hix fi gwerra mar-Russja jew inkella hix l-Ukrajina biss involuta f’dan il-konflitt li wassal għall-gwerra.

Bil-għan li nagħtu stampa aħjar tas-sitwazzjoni u naraw jekk hemmx xi tip ta’ periklu għas-sigurtà nazzjonali u għall-Ewropea, L-ORIZZONT tkellem lil Clint Flores, ekonomista b’esperjenza fl-istituzzjonijiet Ewropej, fejn assigura li, s’issa, l-Unjoni Ewropea mhix involuta fi gwerra b’mod dirett mar-Russja. Huwa qal li biex tasal għal din il-konklużjoni trid taqsam l-argumentazzjoni u l-kumplessità ta’ din il-gwerra b’mod tekniku.

Tensjonijiet li ilhom ibaqbqu mill-2014

“Nibdew billi mmorru lura fl-istorja u naraw kif bdiet il-gwerra attwali ta’ bejn l-Ukrajna u r-Russja. It-tensjonijiet ilhom ibaqbqu mill-2014. Imma, wara li riċentement l-Ukrajina kienet għaddiet fil-Kostituzzjoni tagħha li għandha parteċipazzjoni distinta “distinctive partnership’ man-NATO u kien qiegħed isir taħriġ min-NATO lill-forzi militari Ukrajni, il-President Russu Valdimir Putin beda jimmobilizza t-truppi tiegħu mal-fruntiera tal-Ukrajna. Din wasslet għall-invażjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna fl-24 ta’ Frar ta’ din is-sena,” beda jispjega Flores. 

Huwa qal li minn dakinhar ‘il hawn il-Punent irreaġixxa b’mod li beda b’sensiela ta’ sanzzjonijiet fuq ir-Russja u nbagħtet ħafna għajnuna militari lill-Ukrajina biex jiddefendu lilhom infushom. Skont Flores, kieku l-Ukrajna ma kienitx imħarrġa militarment, kieku ma kienx ikun possibbli li tirreżisti lill-militar Russu. 

Irid jintlaqat pajjiż tal-UE b’mod militari mir-Russja…

“Lil hinn minn dan, ħafna qegħdin jistaqsu jekk l-Unjoni Ewropea hix fi gwerra mar-Russja. Legalment ngħid espliċitament li le. Biex dan iseħħ, kulħadd irid ikun involut. L-ewwelnett irid jintlaqat pajjiż tal-UE b’mod militari mir-Russja biex ikun iddikjarat li l-UE qiegħda fi gwerra mar-Russja,” iċċara Flores. 

Huwa qal li jekk il-pajjiż tal-Unjoni Ewropea li jkun intlaqat minn aggressjoni ta’ armi, ikun ukoll pajjiż membru tan-NATO, “ovvjament il-pajjiżi kollha tan-NATO jkunu involuti biex jiddefendu lill-pajjiż li jkun intalqat. Għalhekk ikun invokat dak li jissejjaħ Artiklu 5 tan-NATO li huwa Difiża Kollettiva (Collective Defence).  F’dak il-każ jirrispondu lura l-pajjiżi kollha membri tan-NATO u nifhem li jattakkaw lir-Russja. Hemmek inkunu nistgħu ngħidu li wasalna għat-Tielet Gwerra Dinjija”. 

Imbagħad Flores ta’ xenarju ieħor, din id-darba jekk jintlaqat xi pajjiż tal-Unjoni Ewropea li mhuwiex membru tan-NATO, li minn dawn is-27 pajjiż hemm Ċipru, Malta, l-Isvezja, il-Finlandja, l-Awstrija u l-Irlanda. Fil-każ ta’ dawn il-pajjiżi ma jkunux jistgħu jagħmlu użu minn Artiklu 5 tan-NATO għax mhumiex membri u naturalment mhumiex parti mit-trattat tan-NATO. Xorta tkun inkisret taħt il-liġi internazzjonali tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-pajjiż individwali però, in-NATO ma tkunx tista’ tidħol tiddefendi lil dawn il-pajjiżi. 

Protezzjoni minn trattat ta’ solidarjetà

“Imma, l-Unjoni Ewropea fit-Trattat ta’ Liżbona, hemm Artiklu 42.7 li jirreferi għall-klawżola tas-solidarjetà li tista’ tgħid huwa l-ekwivalenti għall-Artiklu 5 tan-NATO fejn, jekk pajjiż membru jisfa vittma ta’ aggressjoni ta’ armi fuq it-territorju, l-istati membri l-oħra għandhom l-obbligu li jagħtu l-asssitenza tagħhom bil-poteri kollha li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom. Hemm Artiklu 222 li għandu l-klawżola tas-solidarjetà wkoll fit-Trattat ta’ Liżbona, apparti Artiklu 42.7, fejn tal-ewwel isemmi speċifikament l-Unjoni Ewropea u tal-aħħar isemmi biss stat membru li jkunu intlaqat”. 

Flores qal li għalkemm Artiklu 42.7 ma jippreġudikax in-natura tal-arkitettura tas-sigurtà tal-pajjiżi individwali tal-Unjoni Ewropea, il-pajjiżi kollha jispiċċaw involuti biex jassistu għad-difiża b’xi mod tal-pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea li jkun milqut. Għalkemm, jekk iridu l-assistenza, din ma tkunx waħda militari. 

Ta’ min jgħid ukoll li dan l-Artiklu ma jippreċedix fuq l-Artiklu 5 tan-NATO. Jiġifieri jekk pajjiż membru tan-NATO jintlaqgħat minn aggressjoni ta’ armi militari, l-istess pajjiż flimkien mal-pajjiżi l-oħra membri, jinvoka Artiklu 5 tat-Trattat tan-NATO u mhux Artiklu 42.7 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. 

Però, speċifika Flores, jekk pajjiż ma jkunx membru tan-NATO, jista’ jagħmel użu minn dan l-Artiklu 42.7 li nsibu fit-Trattat ta’ Liżbona. Anke jekk pajjiż huwa membru tan-NATO u huwa pajjiż tal-Unjoni Ewropea, xorta waħda jista’ jagħmel użu minn Artiklu 42.7 jew Artiklu 222. Franza kienet invokat Artiklu 42.7, fl-2015 meta sofriet minn agressjoni ta’ bombi terrositiċi. 

“Fl-aħħarnett nikkonkludi li biex dan kollu t’hawn fuq iseħħ irid jintlaqat pajjiż b’aggressoni ta’ bombi jew armi u għalhekk, s’issa, l-Unjoni Ewropea mhix involuta fi gwerra b’mod dirett. Għalkemm, nazzarda ngħid li, l-assenza ta’ gwerra fil-passat qatt ma fissret paċi fuq il-kontinent Ewropew,” temm Clint Flores. 

“Ħafna qegħdin jistaqsu jekk l-UE hix fi gwerra mar-Russja. Legalment ngħid espliċitament li le. Biex dan iseħħ kulħadd irid ikun involut. L-ewwelnett, irid jintlaqat pajjiż tal-UE b’mod militari mir-Russja biex ikun iddikjarat li l-UE qiegħda fi gwerra mar-Russja” – Clint Flores

Clint Flores huwa ekonomista b’esperjenza fl-istituzzjonijiet Ewropej, fejn għal żmien kien il-President tal-Kumitat tal-Budget tal-Unjoni Ewropea fil-Kunsill u nnegozja r-Regolament Finanzjarju tal-Budget tal-Unjoni Ewropea. Wara nħatar bħala r-Rappreżentant Malti fil-Kumitat tal-Ambaxxatur tal-Politika u s-Sigurtà tal-Unjoni Ewropea. Bħalissa rritorna lura għall-professjoni tiegħu ta’ ekonomista fil-privat u jagħmel xogħol fuq ESG u l-Finanzi Sostenibbli, fl-ispeċjalizzazzjoni wkoll tar-riskji tal-Klima u l-Ambjent relatat mal-banek.  

Ekonomija

Sport