Sunday, November 10, 2024

“S’issa Malta m’għandha l-ebda intenzjoni tbiddel il-politika ta’ difiża tagħha”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Meta ninsabu resqin lejn il-ħames xahar tal-gwerra fl-Ukrajna, fost pajjiżi tal-Mediterran żviluppat sitwazzjoni ta’ tħassib u dan minħabba  li t-Turkija li mhix membru tal-Unjoni Ewropea, jidher li waslet fi ftehim man-NATO fejn jidher li t-Turkija issa hi interessata li tieħu sehem fil-PESCO (Kooperazzjoni Strutturata Permanenti tal-UE) fejn tidħol difiża, taħriġ u tagħmir militari. Xhur ilu it-Turkija kienet esprimiet interess li tieħu sehem fi proġett ta’ difiża tal-PESCO, iżda għal dan kienet oġġezzjonat l-Awstrija. Is-sitwazzjoni li nħolqot fl-aħħar jiem xejn ma niżlet tajjeb ma’ pajjiżi Mediterranji fosthom Ċipru u l-Greċja u dan hekk kif ftit jiem ilu biss it-Turkija ġabet ir-raba’ vapur għall-esplorazzjoni taż-żejt fil-lvant tal-Mediterran f’żona li dwarha hemm nuqqas ta’ qbil ma’ pajjiżi ġirien. Jidher l-interess tat-Turkija biex tidħol fil-PESCO u d-diskussjonijiet li kellha man-NATO, wassal biex l-istess Turkija waqqfet l-oġġezzjonijiet tagħha biex il-Finlandja u l-Iżvezja jissieħbu fin-NATO.

Mitlub jikkummenta dwar l-aħħar żviluppi u dwar x’inhi l-pożizzjoni ta’ Malta peress li sa issa huma Malta u d-Danimarka biss li baqgħu barra mill-PESCO, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin iddikjara biss li “’issa Malta m’għandha l-ebda intenzjoni li tbiddel il-pożizzjoni tagħha jew aktar min hekk li tbiddel il-politika tad-difiża tagħha.”

Talk.mt staqsiet għadd ta’ domandi lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin inkluż dwar il-passi li qed tagħmel it-Turkija. Id-domandi kienu dwar x’inhi l-pożizzjoni ta’ Malta fil-preżent dwar il-PESCO. Staqsejna jekk quddiem il-gwerra li hemm għaddejja fl-Ukrajna, Malta ħaditx xi deċiżjoni jekk għandhiex tkun membru tal-PESCO. Staqsejna jekk hemmx  xi raġuni partikolari għaliex sa issa Malta għadha ma daħlitx fil-PESCO fejn sa issa hi d-Danimarka u Malta biss li għadhom barra u dan peress li ħames snin ilu kien intqal li Malta kienet se tistenna li tara kif se tiżviluppa l-PESCO, li llum nafu sew kif qed tħadem minħabba l-għadd ta’ proġetti ta’ difiża u militari li għandha.

Staqsejna ukoll x’inhi l-pożizzjoni ta’ Malta quddiem il-fatt li fl-aħħar jiem sar magħruf li t-Turkija se tkun qed tipparteċipa fil-PESCO allavolja mhix membru tal-UE. Staqsejnihom ukoll dwar  it-tħassib li l-parteċipazzjoni tat-Turkija fil-PESCO tista’ twassal għal tensjoni ġdida fil-Mediterran ma’ Ċipru u l-Greċja b’mod partikolari dwar esplorazzjoni għaż-żejt.  

Quddiem dan il-Ministeru ddikjara biss li “s’issa Malta m’għandha l-ebda intenzjoni tbiddel il-politika ta’ difiża tagħha”.

Ta’ min jgħid li fis-sena 2017, il-Gvern Malti kien tkellem dwar il-PESCO u l-pożizzjoni ta’ Malta.  Dakinhar kien intqal li qabel ma’ Malta tidħol fi struttura permanenti ta’ koperazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża (PESCO), li tista’ tkun potenzjalment f’kunflitt mal-kostituzzjoni tagħna, Malta trid tara kif se tiżviluppa din l-istruttura qabel tikkommetti ruħha li tidħol fiha.

Kien intqal li m’hemm xejn li jżommna milli nidħlu fiha aktar tard. Il-Gvern dakinhar kien qal li ma jidhirx li hemm problema b’din l-istruttura fir-rigward tan-newtralità, madankollu kien intqal li ma nafux eżatt kif se taħdem.

Dakinhar il-Gvern kien qal li ““irridu naraw jekk hijiex sempliċiment sistema li permezz tagħha l-armamenti li jixtru l-pajjiżi Ewropej jkunux aktar kordinati jew jekk hux se tieħu aspett aktar militari”.

Irid jingħad li t-trattat tal-Unjoni Ewropea  jagħti ċertezza lil Malta li jekk ikollna bżonn għajnuna militari jew ta’ sigurtà tista’ tinvoka din il-klawsola ta’ solidarjetà u pajjiżi oħrajn huma marbutin li jgħinuha.

Irid jingħad li ftit ġimgħat ilu l-Kunsill Ewropew kien adotta deċiżjoni li taġġorna l-lista ta’ proġetti li għandhom jitwettqu taħt il-kooperazzjoni strutturata permanenti tal-UE (PESCO). B’riżultat ta’ dan, 14-il proġett ġdid ser jiżdiedu mal-lista ta’ 46 proġett eżistenti li ġew żviluppati taħt il-PESCO minn Diċembru 2017.

Il-proġetti l-ġodda huma pass ieħor lejn l-investiment u l-iżvilupp flimkien fil-qasam tad-difiża, b’mod partikolari fl-oqsma tal-ajru u tal-ispazju. 

Il-25 stat membru li jipparteċipaw fil-PESCO huma: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Ungerija u l-Iżvezja.

Sport