Sunday, November 24, 2024

“Sistema li naqilgħu ftit fuq kull kilo imma nbigħu ħafna”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

F’ħanut żgħir magħruf sew ħdejn il-knisja tar-Rabat Malta, immexxi minn Saviour Aquilina, mad-9.00 ta’ filgħodu l-lampuki kollha li kellu kienu diġà spiċċaw. Il-prezz f’dan il-ħanut kien l-irħas wieħed – €5 -il kilo. Saviour, li jkompli ħafna man-nies numerużi li l-ħin kollu ġejjin biex jixtru mingħandu, kif staqsejnih għal-lampuki bi tbissima qalilna, “ejja għada u ssibli. Kollox telaq. Qiegħed prezz tajjeb u ma’ kull kilo qisu jkollok żewġ jew tliet lampuki mdaqqsin”.

Filwaqt li lill-klijenti ddiżappuntati li m’hemmx aktar lampuki offrilhom għażla bejn awrat, tonn frisk u pixxispad, dan il-bejjiegħ tal-ħut qalilna li għalih “il-bejgħ tal-lampuki bħalissa ma jistax ikun aħjar. Kuntent immens. L-ewwelnett irħis u t-tieni, in-nies dejjem iriduha bħala ħuta. Jekk nibqgħu sejrin hekk, żgur li se mmorru tajjeb ħafna”.

Rigward id-differenza fil-prezz tal-lampuki minn bejjiegħ għall-ieħor Saviour ukoll qal li dan jiddependi mid-daqs iżda żied li dan jiddependi wkoll “kemm ikun irid jaqla’ dak li jkun. Il-bejjiegħ xi ħaġa jrid jaqla’ għall-għixien tiegħu. Aħna, il-biċċa l-kbira naħdmu bis-sistema li fuq kull kilo naqilgħu ftit imma nbigħu ħafna”.

Min-naħa tiegħu huwa speċifika li l-ħut żgħir bi prezz baxx mhuwiex irħis għax mhuwiex tajjeb, imma għax ikun irqieq u żgħir. Għaldaqstant, min għalih din ma tagħmilx differenza, il-lampuka żgħira hija tajba daqs dik kbira.

Sport