Friday, April 19, 2024

“Sistema patrijarka u kontra l-barranin”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Vittma ta’ attakk sesswali tisħaq li hemm bżonn bidla fis-sistema ta’ kif inhuma trattati n-nisa

Wara l-aħbar xokkanti u traġika tal-istupru u l-qtil ta’ Paulina Dembska ħafna nisa qegħdin isemmgħu leħinhom bil-għan li l-awtoritajiet jieħdu passi konkreti u jindirizzaw sistema deskritta bħala “patrijarka” u “falluta”. Persuna li għaddiet minn esperjenza xejn sabiħa hija Abby Rachel li hija stess kienet vittma ta’ attakk sesswali fejn tgħid li minkejja li ppruvat tagħmel rapport mal-Pulizija u talbithom imorru magħha biex tidentifika lill-agressur, din minflok ġiet mitluba tmur lura d-dar waħidha biex l-ewwel tipprovdilhom identifikazzjoni uffiċjali tagħha.

Lura fl-2015 Abby Rachel kienet għadha kemm ġiet tgħix f’Malta u kien f’din is-sena li hija ġiet attakkata sesswalment fit-triq. Il-każ seħħ meta l-mara, xis-6.00 ta’ filgħaxija, irritornat lura d-dar mix-xogħol meta fejn il-bieb tad-dar tagħha, persuna li ma kienitx taf, allegatament attakkaha. 

“Iddeċidejt li mmur immedjatament fl-għassa tal-pulizija minħabba li l-agressur tiegħi baqa’ fiż-żona jixrob f’ħanut qisu ma kien ġara xejn,” spjegat l-vittma. Hija qalet li meta waslet fl-għassa kellha tistenna nofs siegħa sakemm ikellmuha u li lanqas kien hemm uffiċjal tal-pulizija mara għal assistenza tant bżonnjuża f’dawn iċ-ċirkostanzi.

Identifikazzjoni personali l-ewwel…

Barra minnhekk, b’sorpriża għaliha, sostniet li l-pulizija ma ħadux ir-rapport tagħha minħabba li ma kellhiex Karta tal-Identità u minflok aċċettaw li tippreżentalhom il-passaport. “Talbuni biex immur niġbru mid-dar u qaluli li mbagħad inkun nista’ nagħmel kull tip ta’ lment jew talba għal assistenza mill-Pulizija. Jien spejgajtilhom li l-agressur attakkani fejn il-bieb tad-dar tiegħi, li kont naf il-post eżatti fejn jinsab u li kont lesta ngħidilhom min huwa,” kompliet din il-mara.

“Jien spejgajtilhom li l-agressur attakkani fejn il-bieb tad-dar tiegħi, li kont naf il-post eżatti fejn jinsab u li kont lesta ngħidilhom min huwa”

Rachel qalet li ppruvat tispjega lill-pulizija li kienet tħossha aktar sigura li kieku jeħduha huma bi skorta d-dar biex tiġbor il-passaport iżda “għalihom kien aktar importanti li nagħtihom identifikazzjoni tiegħi milli tal-agressur”.

Il-vittma, iddiżappuntata, irrakkontat li hija xorta waħda kellha tmur għad-dokument waħidha d-dar u fl-għassa rrirtornat ftit tal-ġranet wara b’karti mill-ambaxxata Ingliża. “Kien hawn biss li ħadu r-rapport tiegħi bis-serjetà. Kif kont hemm sirt naf li saru jafu b’attakki simili li seħħu fiż-żona. Kieku ħadu r-rapport tiegħi immedjatament, dawn l-attakki setgħu ġew evitati għax kont naf fejn huwa l-agressur u setgħu jaqbduh dakinhar stess,” ilmentat din il-mara.

“Il-vittmi ħaqqhom aħjar”

Rachel allegat li problema oħra li kellha tiffaċċja tul ir-rapport lill-pulizija kienet li “għal diversi drabi inkoraġġewni biex nidentifika lill-agressur bħala persuna barranija. Kien ovvju li għalihom kien aktar importanti li ma jiktbux li kien raġel Malti milli jipproteġu persuna barranija u aktar minnhekk, li jipproteġu mara”. 

Wara din l-esperjenza personali, Rachel tħoss li huwa diffiċli ħafna biex isir rapport ta’ din in-natura u meta saret taf li s-suspettat qattiel ta’ Dembsaka kien magħruf mal-pulizija, ftakret dak kollu li għaddiet minnu hija personalment ftit tas-snin qabel.

Hija qalet li hemm bżonn li s-sistema tinbidel għax “mhuwiex sewwa li persuna l-ewwel tintalab identifikazzjoni u mbagħad tingħata għajnuna u jsir ir-rapport. Is-sistema hija waħda patrijarka u kontra l-barranin. Nittama li ma naqrawx li l-qattiel ta’  Paulina jingħata sentenza patetika wara li tgħaddi l-kommossjoni kollha li nqaltgħet f’dawn il-ġranet”. Min-naħa tagħha din il-mara spjegat li huwa importanti li f’każi bħal dawn għandha tingħata għajnuna immedjata għax il-vittmi ħaqqhom aħjar.

Filwaqt li din il-vittma qalet li l-problemi li qiegħda titkellem dwarhom għandhom konnessjoni ma’ Malta u s-sistema mħaddna li għandha bżonn tkun irranġata kemm jista’ jkun malajr, spjegat li dan ma jfissirx li aħna l-unika pajjiż li fih hemm problemi fis-sistema ta’ kif huma ttrattati in-nisa. Bħala eżempju hija tat dak ta’ Sarah Everard fir-Renju Unit fejn issa n-nisa huma mitluba li jieħdu azzjoni biex jipproteġu lilhom infushom minn uffiċjali tal-pulizija li jistgħu jaslu li jattakkawhom jew joqtluhom.

“Nissaħħu jekk ningħaqdu u billi nirrifjutaw li nistħu naqsmu l-esperjenzi tagħna u dan anke jekk ma nħossuniex komdi nagħmlu dan bħala individwi,” temmet b’messaġġ qawwi Abby Rachel.

Sport